Monday, October 28, 2024

KUNFLITT B’POPLI TELLIEFA … KUNTRATTURI REBBIEĦA… WAQQFU L-FTEHIM TA’ ASSOĊJAZZJONI MAL-UE

Aqra wkoll

Is-sena 2023 għadha kif ġiet dikjarata minn AOAC bħala l-aktar sena li fiha mietu persuni ċivili fl-aħħar għaxar snin f’kunflitti armati.

Imwiet ta’ persuni li ġejjin l-aktar mill-gwerra f’Gaża. Il-gwerra li t-tobba f’Gaża spiċċaw ħolqu it-terminu msejjaħ ‘WCNSF’ li jfisser ‘tifel ferut imma ma baqgħu ħadd ħaj minn familtu’. Din hi realtà kontinwa f’Gaża.

Għall-poplu Palestinjan f’Gaża, għal Ukreni, għal dawk li jgħixu fiż-żoni fejn hemm il-kunflitt fis-Sudan il-prezz tal-gwerra li ilhom jesperjenzaw ma jistgħux jikkalkulawh. Ħafna drabi jiġi mkejjel biss mill-vittmi tal-gwerra. Mill-banda l-oħra il-prezz tal-gwerra għall-kumpaniji li jimmanifatturaw l-armi nafuh. $52 biljun. Dan hu l-ammont li l-akbar kuntratturi ta’ difiża hu mistennija li jaqilgħu fis-sena 2026. U waqt li b’mod kontinwu nibqgħu naraw xeni xokkanti minn Gaża, ta’ tfal u familji sħaħ maqtula u oħrajn kollha dmija, jinħarġu aħbarijiet ta’ kemm profitti qegħdin jagħmlu l-kumpaniji tal-armi.

Lockheed, li tissupplixxi l-Fighter Jets li Iżrael qiegħed juża biex jibbumbardja Gaża żiedet il-profitt tagħha għal $8.5 biljun fis-sena 2023. Kumpaniji oħra tad-difiża ukoll żiedu l-profitti.

Proprju fl-aħħar jien rajna lil Iżrael jiddikjara gwerra fuq in-nies tal-Libanu. Bdew attakki ħorox. Din il-fażi ġdida tal-kunflitt turi li l-Gvern Iżraelit mhux kuntent biss li jeqred lil Gaża u li jkompli bl-okkupazzjoni illegali tax-Xatt tal-Punent. M’hemm ebda dubju li l-aggressjoni ta’ Iżrael kontra l-Libanu tiftaħ kąpitlu ġdid mill-aktar perikoluż. Dan hu kunflitt ġdid li se jkollu effett fuq il-politika globali b’riskju li l-kunflitt fir-reġjun jiskala bil-kbir.

U f’din il-fażi ġdida tal-kunflitt huma in-nies tal-Libanu li se jħossu l-impatt immedjat. L-aħħar kunflitt bejn Iżrael u l-Heżbollah kien seħħ fis-sena 2006. Dakinhar kienu tilfu ħajjithom madwar 3,000 persuna. Din id-darba l-vittmi se jkunu ferm aktar. It-tbatija umana hi kbira. Eluf kbar ta’ nies qegħdin jaħarbu minn nofsinhar tal-Libanu. Ħafna skejjel kienu trasformati f’kampijiet għar-refuġjati. Fil-Libanu diġa hemm mijiet ta’ eluf ta’ refuġjati Palestinjani u Sirjani. Se tkun sfida kbira biex jitimgħu lil dawk li qegħdin jaħarbu u anke biex joffrulhom saqaf.

U meta tara dan il-kunflitt f’hiex qed iwassal u l-vittmi li qed joħloq, toħroġ il-mistoqsija ovvja. Għaliex il-Punent u pajjiżi oħra qegħdin ikomplu jagħlqu għajnejhom għal din l-aggressjoni bla qies minn Iżrael.

M’hemm ebda dubju li din il-gwerra immexxija mill-Gvern ta’ Netanyahu qiegħda toħloq ħsara irreparabbli għar-reputazzjoni internazzjonali ta’ Iżrael.

U llum minkejja li l-kunflitt ikompli għaddej, qiegħed jidher biċ-ċar li jagħmel x’jagħmel, Iżrael ma jistax joħroġ rebbieħ. Dan għax il-Ħamas irreżistew l-okkupazzjoni u b’xi mod jew ieħor irnexxielhom jibqgħu joperaw. Dan hu meqjus bħala falliment għal Iżrael. U allura hawnhekk wieħed jifhem li l-Gvern Iżraeljan, irid ifittex xi tip ta’ rebħa.

U kien proprju għalhekk li ħares lejn il-Hezbollah u l-Libanu. Iżrael jara li jista’ jimbotta lura ll Heżbollah u li jdgħajjef sew is-saħħa militari tiegħu għall-futur. Dan imbagħad jista’ jwassal biex settlements Lhud abbandunati fit-tramuntana ta’ Iżrael jerġgħu jingħataw l-ħajja, xi ħaġa li għal Iżrael se titqies bħala rebħa. Fuq kollox biex wieħed jifhem għaliex dan il-kunflitt qiegħed jinfirex u jitwal daqstant, wieħed irid iżomm f’moħħu li l-Prim Ministru Netanyahu għandu bżonn rebħa politika.

Mhux se jkun kisser il-Ħamas, imma id-djgħufija tal-Heżbollah, hi meqjusa bħala rebħa, u li tista’ tinbiegħ lill-poplu Iżraeljan. Netanyahu jaqbillu li l-gwerra titkompla u dan għax permezz tagħhom iżomm il-koalizzjoni tal-Gvern.

Nemmnu li għalhekk li hemm bżonn pressjoni dinjija u mill-pajjiżi individwali biex dawn l-atti ġodda ta’ aggressjoni jitwaqqfu. L-istess kif għandu jitwaqqaf il-kunflitt f’Gaża.

Għalhekk naqblu mal-pożizzjoni li ttieħdet minn diversi Parlamentari Ewropej, fosthom id-Deputat Parlamentari Laburisti, li ħeġġew għal azzjoni immedjata għall-vjolenza li qed tiżdied fil-Libanu u f’Gaza.

F’ittra lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà Josep Borrell kollha qed jappellaw għas-sospensjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iżrael, kif ukoll l-implimentazzjoni ta’ embargo fuq l-armi sakemm tinkiseb paċi dejjiema.

Dawn il-membri Parlamentari Ewropej favur id-drittijiet tal-bniedem enfasizzaw li l-azzjonijiet tal-gvern Iżraeljan jiżvelaw disprezz sfaċċat għall-ħajja umana u l-liġi internazzjonali, sentiment imtenni mill-voti reċenti fl-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

Intqal li s-silenzju ta’ ħafna istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u Stati Membri dwar din il-kwistjoni qajjem mistoqsijiet dwar il-kredibbiltà tal-Unjoni Ewropea bħala proponent tad-drittijiet tal-bniedem u l-paċi, speċjalment meta wieħed iqis il-pożizzjonijiet b’saħħithom tagħha dwar kunflitti internazzjonali oħra.

Ġie mfakkar li l-Artikolu 2 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni Unjoni Ewropea-Iżrael jistipula li r-relazzjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi.

Hu propju għalhekk li dawn il-membri qed isostnu li filwaqt li l-ħsara kkawżata mill-armi Ewropej f’dawn il-kunflitti ma tistax titneħħa, trid tittieħed azzjoni deċiżiva biex jitwaqqaf iċ-ċiklu tal-vjolenza. Huma enfasizzaw li l-poplu tal-Ewropa jitlob pożizzjoni proattiva quddiem dawn it-traġedji.

Wieħed jittama li l-appelli ġodda għal waqfien mill-ġlied ma jaqgħux fuq widnejn torox. Wieħed jittama ukoll li jittieħdu azzjonijiet drastiċi biex il-ġlied jieqaf, inkluż sospensjoni tal-ftehim ta’ assocjażżjoni bejn l-UE u Iżrael.

Sport