Tuesday, January 13, 2026

KUNTRATTI TAL-GVERN

Aqra wkoll

Wieħed jista’ jeħodha bħala ħaġa żgura li kull kuntratt kbir tal-gvern li jinfetaħ għall-kompetizzjoni bejn il-kumpaniji se jispiċċa attakkat, meta tittieħed id-deċiżjoni “finali”, bi protesti minn dawk li ma jintgħażlux… protesti li jibqgħu telgħin sal-qrati. B’hekk, it-twettiq tax-xogħol meħtieġ jaqa’ lura, ġieli b’mod sostanzjali.

Dis-sitwazzjoni mhiex sabiħa. Imma kwalunkwe pass li jista’ jittieħed biex jitħaffu l-proċeduri dwar l-ilmenti u biex il-protesti li jqumu jitqiesu b’għaġla se jiġi kkritikat bħala appoġġ għall-abbuż ta’ poter u sforz biex titgħatta l-korruzzjoni. 

Biss hu evidenti li dan qed iwassal biex investimenti infrastrutturali jaqgħu lura, uħud minnhom importanti ħafna. Lanqas jiswa li wieħed isemmi każi simili li jinqalgħu f’pajjiżi Ewropej oħra – dan ma jista’ jkun tal-ebda faraġ. Il-ġlieda kontra l-abbużi tal-poter u l-korruzzjoni hi essenzjali imma m’għandhiex twassal għal paraliżi fit-tmexxija publika. 

IDENTITÀ NAZZJONALI

L-argumenti li reġgħu ssemmew dan l-aħħar dwar kif il-ħidma artistika u kulturali fil-pajjiż isservi wkoll biex issaħħaħ l-identità nazzjonali kienu meħtieġa, f’waqthom u hemm bżonn li jsiru dejjem b’aktar forza. Wisq ta’ spiss, dal-qasam jitqies bħala l-ispazju tad-dilettanti u ta’ dawk li jiżvogaw f’xi passatemp.

Raġuni għal dan hu li l-pedamenti ekonomiċi tiegħu f’soċjetà żgħira bħal tagħna mhumiex fondi. Fil-biċċa l-kbira tagħhom, l-artisti fis-setturi kollha jew ikollhom jiffinanzjaw ruħhom “minn ġewwa”, jew jaċċettaw ħlasijiet li ma jirriflettux l-isforz li jkunu għamlu, jew ikollhom isibu impjieg ma’ xi enti governattiva.

Il-problema taċ-ċokon ma tistax tiġi evitata. Minkejja fiha madankollu, ir-realtà hi li fi żmien meta ħafna nies qed jistaqsu xinhu li se jibqa’ jiddefinixxi fil-futur lis-soċjetà Maltija, il-produzzjoni artistika u l-inizjattiva kulturali jibqgħu l-aqwa mezzi biex l-identità nazzjonali tkun mistqarra, imġedda u mogħtija l-ħajja.

KIF SE JINTLAQAT?

Żmien l-imperjaliżmu donnu reġa’ magħna, did-darba fuq skala tassew globali u mħaddem minn diversi ċentri (talanqas tlieta). Mill-qagħda ġeografika fejn ninsabu, l-mistoqsija li tqum hi: Kif se jiġi affettwat il-Mediterran?

Drajna nqisuh bħala “għadira” storika, li tilfet ħafna mill-importanza strateġika tagħha, allavolja tgħaqqad mal-kontinent Afrikan. Biss minkejja l-avvanzi teknoloġiċi li jagħtu lill-potenzi l-kbar il-possibiltà li jaġixxu militarment mill-bogħod, bla ħtieġa li jkollhom preżenza fiżika fil-qrib tat-teatri fejn iridu jespandu, il-prinċipju jibqa’ validu: tħallix lil ħaddieħor jieħu kontroll fiżiku anke ta’ artijiet fejn int m’għandekx għalfejn tidħol. F’dil-perspettiva, l-Mediterran joffri numru ta’ territorji li joħolqu tentazzjonijiet għall-“imperi”: Ġibiltà; il-Libja, Malta u Sqallija; Lixandra u l-kanal tas-Suez; il-Libanu.

Fiż-żminjiet il-“ġodda” tal-lum, hemm iċ-ċans li jerġgħu jiġu moda l-kalkoli diplomatiċi u militari ta’ sekli mgħoddija.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport