Sunday, November 24, 2024

Kurċifiss tas-Seklu 19 restawrat grazzi għall-appoġġ finanzjarju tal-Bank of Valletta

Aqra wkoll

Kurċifiss tas-Seklu 19 magħmul mill-artist Alessandro Farrugia jew kif inhu magħruf Mastru Xandru miż-Żejtun ġie restawrat grazzi għall-appoġġ finanzjarju tal-Bank of Valletta.

Mastru Xandru huwa wieħed mill-artisti artiġjani li twieled u għex iż-Żejtun. Mastru u li kien student tal-iskultur rinomat Mariano Gerada u ħadem statwi fil-ġebel u l-injam. Fost ix-xogħlijiet minquxin minn Xandru wieħed insemmi l-istatwi titulari tal-proċessjoni tal-Lunzjata f’Ħal Tarxien , Santa Marija fl-Imqabba u San Pawl f’Ħal Safi. Waħda mill-kapolavuri tiegħu hija l-istatwa tal-Ġimgħa l-Kbira ta’ Ġesu’ l-Fallaġ fil-Pilastru fiż-Żejtun, imnaqqxa kollha kemm hi minn biċċa injama waħda.

L-iskultura li tinsab fil-Knisja ta’ Santa Barbara fil-Kalkara li ħafna Kalkariżi jafuha bħala tal-Kappuċċini. Dan il-kurċifiss jmur lura għas-sena 1851 u kien minqux fl-injam u l-polikromat.

Dan il-kurċifiss għal qalb il-patrijiet Kappuċċini juri s-sagrifiċċju, l-impenn, il-fidwa u fuq kollox l-imħabba ta’ Kristu. Dan il-kurċifiss hu meqjus bħala wieħed awtentiku fejn hi opra tal-arti fil-veru sens tal-kelma mingħajr ħafna elementi grottestki u li tagħti dawl fuq il-ġrieħi li sofra Ġesù Kristu fuq ġismu. Ħafna jdumu jħarsu lejn din l-istatwa għax hemm elementi uniċi u partikolari fiha.

Ir-restawr kien fdat f’idejn Valentina Lupo kap tal-kumpanija Atelier Del Restauro. Fil-fatt dan il-kurċifiss saħansitra ttieħed fil-laboratorju tar-restawraturi.

Din il-gazzetta tkellem ma’ Lupo fejn tatna aktar dettalji dwar il-proċess rigoruż li kellha tagħmel f’dan ir-restawr li għal xi mumenti kien wieħed delikat.

“Kien restawr li kellu jsir b’reqqa liema bħalha. B’xorti tajba, l-injam baqa’ fi stat tajjeb u ma kellux ħsara partikolari. Forsi rajna ftit dannu f’saqajn u f’id Kristu minħabba li forsi ħafna devoti jmorru jbusuh. Għalhekk kellha ssir xi ftit ir-rikostruzzjoni ta’ ċerti partijiet.”

‘Sibt ukoll li matul is-snin, għal diversi drabi, l-istatwa ġiet miżbugħa żżejjed, u dan wassal biex jinbidlu l-kwalitajiet estetiċi ta’ din ix-xogħol tal-arti. Ġew identifikati mill-inqas żewġ saffi ta’ żebgħa żejda għalkemm huwa probabbli ħafna li hemm aktar saffi preżenti,’ 

Valentina Lupo qalet li riedu jagħtu l-kulur oriġinali lil Kristu b’terminu ta’ kif isejħulha huma polikramija. Hawnhekk huma riedu joħorġulu d-dmija f’aktar dettall, xufftejh li jixhdu tbatija u anke ċerti espressjonijiet ta’ wiċċu.

Il-kurċifiss tpoġġa għal aktar osservazzjoni u investigazzjoni xjentifika tal-polikromija u l-istratigrafija tagħha fejn hawn Valentina u l-kollegi tagħha setgħu jifhmu aħjar il-firxa taż-żebgħa żejda preżenti kif ukoll it-teknika ta’ manifattura użata mill-artist biex tiżgura l-aħjar metodi ta’ restawr.

Tkellimna wkoll ma’ Brother Miguel Zammit li kien ferm kuntent li din l-iskultura ngħatat lura lilhom fil-glorja kollha tagħha. Hu qalilna li din l-istatwa ta’ Kristu Msallab tfisser ħafna għalihom minħabba li jagħmlu mumenti jitolbu quddiemha fil-ħin tat-talb. 

‘Il-knisja ta’ Santa Barbara u l-kunvent ta’ maġenbha fejn noqogħdu aħna nbnew fuq biċċa art mogħtija minn Ġużeppi Abela.”

‘Il-kurċifiss huwa wieħed mill-aktar skulturi mportanti fil-kunvent u jfisser ħafna għalina.”

Hawnhekk Brother Miguel Zammit xtaq jirringrazzja lil Bank of Valletta li għenu finanzjarjament sabiex dan il-kurċifiss jerġa’ jieħu l-ħajja.

“Grazzi għall-Bank of Valletta, din il-preservazzjoni se tippermetti lill-ġenerazzjonijiet futuri japprezzaw ix-xogħol fi stat aħjar u jifhmu li din l-iskultura hi waħda ferm speċjali.”

Brother Zammit qalilna li proprju llum is-26 t’April, se ssir serata speċjali li fiha l-pubbliku se jkun jista’ jara aktar mill-viċin dan ir-restawr kif ukoll li jkollu ċ-ċans jitlob quddiemu filwaqt li jammira s-sbuħija tad-dettall li fih. 

Sport