Aktar minn 50 sena wara l-qtil tal-kantant folkloristiku Ċlen Víctor Jara, l-aħħar raġel imfittex b’rabta ma dan il-qtil instab u tressaq quddiem il-ġustizzja. Nelson Haase Mazzei, kurunell irtirat tal-era ta’ Pinochet, ħarab mill-awtoritajiet fl-2023 wara li hu u sitt suldati rtirati oħra ġew ikkundannati ‘in absentia’ għall-qtil ta’ Jara u ta’ raġel ieħor.
Il-pulizija Ċlena ħabbret is-Sibt li għadda li Haase Mazzei kien ġie arrestat f’Puyehue, fiż-żona rurali fin-nofsinhar tal-pajjiż, b’imħallef jordna l-arrest immedjat tiegħu.
Il-Fondazzjoni Víctor Jara, imwaqqfa mill-armla tiegħu – iż-żeffiena u attivista Brittanika Joan Jara – fi stqarrija laqgħet b’sodisfazzjon l-aħbar li l-Kurunell irtirat Nelson Haase Mazzei, inqabad u ntbagħat il-ħabs.
Jara, kantant u attivista tax-xellug, kien ġie arrestat f’Santiago, il-kapitali taċ-Ċlì, fil-11 ta’ Settembru 1973, l-għada tal-kolp ta’ stat vjolenti mmexxi mill-Ġneral Augusto Pinochet, bl-appoġġ tal-Istati Uniti, biex jitneħħa mill-poter il-president soċjalista Salvadore Allende.
L-arrest ta’ Haase Mazzei x’aktarx li jimmarka l-aħħar kapitlu fit-tfittxija twila għall-ġustizzja f’isem Jara, wieħed mill-aktar vittmi magħrufa tad-dittatorjat ta’ Pinochet – reġim li qatel jew wassal għall-għajbien ta’ aktar minn 3,000 persuna, filwaqt li arresta u ttortura għexieren ta’ eluf oħra matul 17-il sena tal-ħakma repressiva ta’ Pinochet.
Jara ġie ttorturat u umiljat minn uffiċjali li lagħbu r-“Russian roulette” miegħu qabel ma kisrulu jdejh, farrakulu l-għadam ta rasu u sparawlu b’mod ripetut b’armi awtomatiċi.
Il-katavru tiegħu kien instab mormi qrib iċ-ċimiterju prinċipali ta’ Santiago. Huwa kellu 44 ferita tal-balal u 56 għadma miksura. Kellu 40 sena. Fl-istess ħin instab ukoll il-katavru ta’ Quiroga, li kien inqatel minn 23 tir.
Wara li ħarbu mill-ġustizzja għal kważi nofs seklu, seba’ suldati rtirati nstabu ħatja tal-qtil u f’Awwissu tal-2023, ġew ikkundannati ‘in absentia’ għal sentenzi ta’ ħabs ta’ tulijiet varji. Haase Mazzei ngħata sentenza ta’ 25 sena ħabs.
Fl-1972, Haase Mazzei ingħaqad mal-brigata notorja Tejas Verde tal-armata Ċlena u aktar tard sar parti mill-pulizija sigrieta ta’ Pinochet, id-Dirección Nacional de Inteligencia (DINA), fejn ħadem mill-qrib mal-mexxej tagħha, Manuel Contreras – leali ħafna lejn ir-reġim u figura magħrufa sew, li qabel mewtu fl-2015 kien ġie kkundannat għal aktar minn 500 sena ħabs għal delitti kontra l-umanità.
Uffiċjal ieħor ta’ Tejas Verde li nstab ħati tal-qtil kien Pedro Barrientos. Huwa telaq miċ-Ċlì lejn l-Istati Uniti fl-1989 u ġie deportat lura f’Diċembru tal-2023, aktar minn għaxar snin wara li kienet intalbet l-estradizzjoni tiegħu għall-ewwel darba. Ex-suldat xehed li Barrientos kellu d-drawwa li jxejjer il-pistola tiegħu u jiddikjara li b’dik il-pistola qatel lil Víctor Jara.
Id-difiża ta’ Haase Mazzei diġà talbet it-trasferiment tiegħu minn ħabs fil-belt ta’ Osorno, fin-nofsinhar tal-pajjiż, għal Punta Peuco – ħabs mgħammar tajjeb fit-tramuntana ta’ Santiago, li nbena apposta biex jinżammu fih dawk li wettqu reati kontra d-drittijiet tal-bniedem fiż-żmien tar-reġim tal-Ġneral Augusto Pinochet.
