Tuesday, December 24, 2024

Kurżitajiet dwar il-Qorti

Aqra wkoll

Riċentement fil-Qorti ġie deċiż każ li jmur lura għal 20 sena! Iva, qed taqra sew. Ir-reat li dwaru tressqet persuna l-Qorti daqshekk imur lura. Mhux se nidħol fil-mertu tal-każ. Għalija f’dan l-istadju l-mertu tal-każ huwa rrelevanti. Il-punt li rrid nagħmel huwa dwar id-dewmien esaġerat biex ġie deċiż il-każ.

Inkun ċar mill-ewwel. Dan mhux l-ewwel każ tax-xorta tiegħu. Aktar kmieni, jiem qabel, kien hemm każ ieħor. Każ li kien imur lura disa’ snin. U nista’ nibqa’ insemmi każ wieħed wara l-ieħor u nieħdok lura lejn is-snin meta kont nirrapporta mill-Qorti għall-ġurnali tal-Union Press. Niftakar qisu lbieraħ nirrapporta minn awla ta’ Maġistrat ġdid fl-ewwel seduta tiegħu jirrimarka li l-ewwel kawża li kien se jisma’ kienet dwar gradenza, kawża li kienet ilha għaddejja 30 sena! Kien irrimarka li kellu dubju jekk il-gradenza kinetx għadha teżisti.

Ifisser li dewmien ta’ din ix-xorta fil-Qorti ma bediex lbieraħ. Imma ejjew ma ngħaġġlux. Qabel naslu biex nippuntaw subgħajna lejn xi ħadd jew lejn xi istituzzjoni jkun tajjeb li naraw naqra x’ikun wassal għal tali sitwazzjoni.

Inżomm mal-każ li rreferejt għalih fl-ewwel sentenza, dak li jmur lura 20 sena. U nagħmel ftit mistoqsijiet. Il-każ partikolari minn kemm quddiem il-Maġistrat/Imħallef għadda? Kemm-il seduta kien hemm sakemm ġie deċiż? Kemm għadda żmien bejn seduta u oħra? X’wassal biex kienu differiti s-seduti li saru dwar il-każ? Kemm minnhom saru fuq talba tal-Prosekuzzjoni? Kemm minnhom saru fuq talba tad-Difiża? Kemm minnhom saru fuq deċiżjoni tal-Qorti nnifisha?

Fost ir-raġunijiet għal dawn id-differimenti seta’ kien hemm dewmien biex saru rapporti minn esperti nominati mill-Qorti. Kien hemm raġunijiet bħal dawn? Jekk iva, x’kien li kkawża d-dewmien min-naħa tal-esperti?

Dewmien biex finalment ingħatat id-deċiżjoni kemm swielu finanzjarjament lill-pajjiż? U waqt li qed nagħmel din il-mistoqsija jiġu quddiem għajnejja fejn l-Istat, il-pajjiż, kellu jħallas danni finanzjarji lil persuni li kellhom każ quddiem il-Qrati li ħa żmien sostanzjalment twil u barra minn loku, anke jekk finalment instabet ħtija. Wieħed għandu jifhem dak li dejjem jingħad b’mod konsistenti li dewmien biex issir ġustizzja jfisser ċaħda tal-istess ġustizzja.

Mistoqsijiet oħrajn li ma jidhirlix li qatt twieġbu: meta jirriżulta nuqqas li għalih ikollu jħallas il-pajjiż, min ikun attwalment naqas minn dmiru xi tkun il-pożizzjoni tiegħu? Qed nagħmel din il-mistoqsija għax mhux l-ewwel darba jitqanqal il-punt tar-responsabbiltà politika. Mhux l-ewwel darba li tintalab ir-riżenja ta’ dak jew l-ieħor, li fil-verità aktar iva illi le lanqas biss ikun jaf bil-każ.

Tħassib ieħor. Mhux l-ewwel darba li jkun hemm każ quddiem il-Qorti fejn l-imputat, minkejja kull prova ta’ ħtija, jiġi liberat għal raġunijiet li jqajmu mistoqsijiet b’mod naturali. Per eżempju liberazzjoni minħabba żball f’xi data partikolari fl-att tal-akkuża. Kif se tistabbilixxi jekk kienx żball ġenwin jew jekk kienx ‘żball’ intenzjonat?

Spiss kien jingħad li ħafna mid-dewmien kien dovut għal nuqqas ta’ Maġistrati u Imħallfin. Jista’ jkun. Imma għandu jingħad li tul dawn l-aħħar snin in-numru ta’ ġudikanti żdied sostanzjalment. Hekk ukoll żdied in-numru ta’ kawżi.

Naħseb li jkun tajjeb li perjodikament jingħata rendikont pubbliku fir-rigward tal-ġudikatura kollha dwar kemm ikunu daħlu kawżi quddiemhom ngħidu aħna kull tliet xhur. Rendikont dwar kemm kawżi jkun hemm pendenti tul l-istess perjodu kif ukoll dwar kemm kawżi jkunu ġew deċiżi. Rendikont dwar kemm dawk pendenti jkunu ilhom hekk.

Kif għedtlek diġà d-dewmien fil-Qrati ma bediex ilbieraħ. In-nannu Grezzju Manxela, li issa ilu mejjet aktar minn 50 sena, darba kont smajtu jgħid lin-nanna Gerit li meta mar għand avukat biex jieħu parir għandux iressaq każ quddiem il-Qorti l-avukat qallu “Grezz isma’ minni u ppruvaw aslu bil-kelma t-tajba għax il-Qorti tkun taf meta dħalt imma meta toħroġ ikun jafu biss Alla.” Jidhirli li n-nannu Grezzju kien ħa l-parir tal-avukat.

[email protected]

Skiet itarrax

Fil-ħarġa tat-22 ta’ Ottubru li għadda ta’ din il-gazzetta f’din il-paġna kont ktibt artikolett bit-titlu ‘Kurżità dwar Wenzu Mintoff u Pawlu Borg Olivier’, eks-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista. Fih kont fakkart x’kont ktibt fil-ġurnal L-ORIZZONT tal-Ħamis, 24 ta’ Novembru 2016 wara kumment li kien għamel Pawlu Borg Olivier fil-konfront tal-ħatra tal-Avukat Wenzu Mintoff bħala Imħallef fil-15 ta’ Lulju 2014.

Kont ktibt hekk: L-eks-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista kien ġie rappurtat li qal, u li safejn naf jien qatt ma ċaħad, li hu ma kienx lest iservi f’kawżi li jkun qiegħed jisma’ l-Imħallef Mintoff, sempliċiment għax dan kien għamel żmien jimmilita, jokkupa karigi fi ħdan il-Partit Laburista u anke kien Deputat Parlamentari Laburista.

Kont temmejt l-artikolett hekk: Għandi kurżità dwar din l-attitudni ta’ Pawlu Borg Olivier. Għadu deċiż li ma jservix f’kawżi preseduti mill-Imħallef Wenzu Mintoff? Jista’ Pawlu Borg Olivier jgħidilna kemm-il okkażjoni kellu fejn irrifjuta li jservi f’kawżi bħal dawn? Jista’ jgħidilna għandux fiduċja fl-integrità tal-Imħallef Wenzu Mintoff?

Sakemm kont qed nipprepara din il-paġna nhar l-Erbgħa li għadda dak li smajt mingħand Pawlu Borg Olivier kien skiet li jtarrax.

Ekonomija

Sport