Wednesday, July 24, 2024

ĊASSI?

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Jagħmlu ħażin dawk li mhumiex jifhmu li t-theddida għall-integrità tan-newtralità ta’ Malta qed issir serja. Qed jagħmlu agħar minnhom dawk li jemmnu (jew jgħidu li jemmnu) kif fil-qagħda internazzjonali attwali, ma tkunx problema jekk inxellfu jew inċedu għal kollox l-istatus ta’ pajjiż newtrali. Bħallikieku n-newtralità tiswa jew tagħmel sens biss fi żminijiet “kalmi” u mhux bil-maqlub meta l-qigħa tisħon.

Il-ħidma biex l-Unjoni Ewropea ssir ukoll għaqda militari tinsab miexja ’l quddiem bil-qawwi. Numru sostanzjali ħafna ta’ pajjiżi membri jħossu li għandhom isostnu dil-ħidma biex ikunu jistgħu jħossuhom aktar siguri kontra r-Russja jew biex jilqgħu għall-effetti li jistgħu jinħassu jekk, kif jibżgħu, l-Istati Uniti jnaqqsu l-impenn tagħhom għad-difiża tal-Ewropa.

Kien ikun aħjar li kieku nbniet struttura differenti minn dik tal-Unjoni Ewropea nnifisha biex tieħu ħsieb id-difiża. La dan mhux qiegħed isir, pajjiżi newtrali bħal Malta għandhom jingħataw opt-out f’kull aspett tal-politika tad-difiża, l-istess kif għandhom id-Daniżi fuq l-ewro. M’għandniex nibqgħu ċassi quddiem din il-problema.

TIFKIRIET TAL-AIR MALTA

Issa li l-Air Malta riesqa lejn l-aħħar jiem tagħha, jibqgħu prezzjużi t-tifkiriet ta’ dil-kumpanija li hi sinonima (jew kienet) ma’ kif pajjiżna wara li kiseb l-Indipendenza politika rnexxielu wkoll jakkwista l-awtonomija ekonomika tiegħu. Kienet strumentali u bil-kbir fit-twaqqif tal-industrija tat-turiżmu u fil-binja ta’ kumnikazzjoni bl-ajru bejn pajjiżna u ċentri ewlenin Ewropej.

Ma’ oħrajn għandi tifkiriet personali ta’ kif żviluppat l-Air Malta. Pereżempju, ta’ ħbieb li marru l-Pakistan għal taħriġ biex isiru piloti u inġiniera permezz ta’ korsijiet li dak iż-żmien kienu jdumu s-snin; l-Air Malta bdiet bħala joint venture mal-Pakistan International Airlines. Xi ħmistax-il sena wara: tifkiriet tal-istudju maniġerjali li għamilt dwar il-politika ta’ riżorsi umani li l-Air Malta kienet qed tmexxi.

L-istorja tal-Air Malta jixirqilha titfakkar.

FONDI PRIVATI

Għall-proġetti li ilhom jintqalu li huma kruċjali, fid-diġitalizzazzjoni u fil-ħidma kontra t-tisħin tal-klima il-bżonnijiet finanzjarji Ewropej huma enormi. Parti kbira minnhom se tiġi minn investiment tal-gvernijiet. Il-bqija jrid jiġi minn investiment privat. Dan suppost jiġi mobilizzat mis-swieq kapitali Ewropej li qed jingħaqdu flimkien.

Is-somom imsemmija li se jkunu meħtieġa huma fenomenali — ilaħħqu mas-sitt mija u tletin biljun ewro jew aktar. Il-problema hi li s-swieq kapitali tal-Unjoni Ewropea huma ċkejkna u spezzettati għax jitmexxew fuq bażi nazzjonali. Lanqas jibdew f’kompetizzjoni mas-swieq kapitali tal-Istati Uniti.

Il-proġett għall-għaqda tas-swieq kapitali Ewropej (“capital markets union” – cmu) ilu jissemma u jitfaħħar. Fir-realtà jista’ jitqies bħala falliment. Il-flejjes ta’ investiment kapitali se jistgħu jiġu misjuba f’din is-sitwazzjoni?

Ekonomija

Sport