Saturday, May 4, 2024

Sa issa tneħħew aktar minn 65 tunnellata ta’ skart

Il-Kampanja Nazzjonali għat-Tindif u l-Manutenzjoni

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Minn Ottubru li għadda sa issa, bħala parti mill-kampanja nazzjonali għat-tindif u l-manutenzjoni, diġà saru interventi f’21 lokalità fejn tneħħew aktar minn 65 tunnellata ta’ skart. F’dan il-perjodu saru interventi ta’ knis ta’ toroq, qtugħ ta’ ħaxix u tindif ieħor li jiltaqgħu miegħu l-ħaddiema tad-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni. Din il-ġimgħa l-ħidma se tkun iffokata fil-Qawra u Buġibba kif ukoll fiż-żona tal-Belt Valletta minħabba l-attivitajiet tal-Karnival.

Dawn id-dettalji ngħataw mid-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni Ramon Deguara f’konferenza stampa li saret illum fi Pjazza Tritoni, il-Belt Valletta. Huwa semma kif mill-bidu ta’ din is-sena beda jkun introdott makkinarju ġdid fit-toroq tagħna, li jaħdmu bl-elettriku u anke jikkonsisti f’robots.

“Sa issa tellaqna 8 compact sweepers li qed iwettqu xogħol impekkabbli f’diversi toroq arterjali u lokalitajiet maġġuri. Matul ix-xahar ta’ Jannar, dawn il-magni kinsu mal-2,000 kilometru ta’ toroq li fihom inġabru mat-30 tunnellata ta’ street residue,” spjega s-Sur Deguara.

Qal li bil-makkinarju li wasal sa issa qed ikun pjanat li jassistu madwar 24 lokalità. Bħalissa qed isir plotting u mapping tar-rotot li se jaħdmu permezz tar-robots u sweepers. L-iskop prinċipali ta’ dan kollu huwa li jkun hemm aktar frekwenzi ta’ tindif li għandhom iservu ta’ għajnuna għall-ħaddiema tad-Diviżjoni.

Is-Sur Deguara qal ukoll li l-Kampanja Nazzjonali għat-Tindif u l-Manutenzjoni, għalkemm hija kkordinata mill-Ministeru għat-Turiżmu, flimkien mad-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni, qiegħda ssir b’ħidma ma’ diversi entitajiet governattivi fosthom id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, l-Enemalta, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, Infrastructure Malta u Transport Malta.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika Glenn Bedingfield irringrazzja lill-ħaddiema tad-Divizjoni li qed jagħmlu xogħol kbir madwar il-pajjiż kollu. Filwaqt li nnota r-riżultati miksuba waqt il-kampanja sa issa, huwa qal li issa rridu nagħmlu l-pass li jmiss biex pajjiżna jinżamm aktar nadif.

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika Clayton Bartolo saħaq li rridu nkomplu mexjin b’dan ir-ritmu tant tajjeb li qbadna li għandu jeħodna għax-xhur li ġejjin. Qal li l-Gvern qed jintroduċi l-aqwa teknoloġija fis-suq biex il-ħaddiema jingħataw l-aqwa għodod biex jaħdmu. “Il-wegħda tibqa’ li nagħmlu ħilitna biex naraw li ngħixu f’pajjiż isbaħ u organizzat,” tenna l-Ministru Bartolo.

Artiklu preċedenti
Artiklu li jmiss

Sport