Nisimgħu ta’ spiss dwar kif l-importanti fit-tmexxija publika u fil-ħajja privata mhuwiex it-tkabbir ekonomiku imma kemm dan qed iwassal għal kwalita ta’ ħajja aħjar għaċ-ċittadini. Għax jista’ jiġri (kif hemm min jgħid li hu l-każ) li t-tisħiħ ekonomiku jissarraf għal ħafna nes f’tensjonijiet u piżijiet ġodda li jrendu l-għajxien aktar diffiċli anke meta jiżdiedu l-flus fil-but. Il-mistoqsija tibqa’ kif se titkejjel sew dil-kwalità hi u titjieb jew teħżien.
Il-kejl irid isir b’metodu “oġġettiv” daqs it-tkabbir ekonomiku, hekk li jkun jista’ jinżamm fuq medda twila ta’ żmien, ħalli l-qagħda tal-bieraħ tkun tista’ titqabbel ma’ ta’ pitgħada. Problema hi li dak li hu titjib għal ċerti saffi tas-soċjetà jista’ jfisser il-maqlub għal saffi oħra.
Sal-lum, l-aktar paraguni li jsiru hu skont il-kwestjonarji li jinżammu regolarment (bħal f’tal-Eurobarometer) mal-publiku dwar kif iħossuhom fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Veru li dawn jagħtu stampa tal-bidla fil-mentalitajiet, anke fuq medda tat-tul fost il-popolazzjoni. Biss, hu dubjuż kemm jiżvelaw tassew x’inhuma l-bidliet fil-kwalità tal-ħajja li qed iseħħu fis-soċjetà kollha kemm hi.
TARIFFI
F’Malta qed jintqal li peress li aħna ma nbigħux daqstant lill-Istati Uniti, allura ma tantx hemm għalfejn ninkwetaw dwar l-effetti fuqna tat-tariffi aqwa li l-amministrazzjoni Amerikana trid tiċċarġja fuq l-importazzzjoni prattikament mid-dinja kollha. Anke jekk dan hu minnu (li niddubita) żgur li lanqas nistgħu ninjorawhom. Fid-dinja globalizzata (li wara kollox kienu l-Amerikani li l-aktar ippromwovuha fl-aħjar interess nazzjonali tagħhom), kważi kull parti mill-ekonomiji nazzjonali kullimkien, tidddependi b’xi mod jew ieħor milli jkun għaddej f’imkejjen oħra.
L-effetti bilfors ikunu enormi b’ċaqliqa mill-qiegħ bħal dik li qed iwettaq Trump, anke għad-dannu tal-aqwa alleati tal-Istati Uniti, biex ma nsemmux tal-Amerika innifisha.
Li nemmnu li aħna se nibqgħu maqtugħa minn dan kollu hi illużjoni.
UNIVERSITAJIET AMERIKANI
Għaddew ħafna snin imma xorta għadni nħoss sentiment ta’ ħajr kbir lejn l-universitajiet Amerikani li fl-imgħoddi tawni sal-aħħar iċ-ċans nagħmel l-istudji li xtaqt nagħmel fiż-żmien meta ridt nagħmlu. Għalhekk nitħasseb dwar x’jinsabu għaddejja minnu.
Qed jinġegħlu jneħħu l-programmi tagħhom maħsuba biex jagħtu ċans aħjar lill-minoranzi etniċi u soċjali jibbenefikaw mill-edukazzjoni terzjarja li huma joffru. Qed jinġegħlu jkeċċu studenti barranin u membri tal-istaff akkademiku li pprotestaw u tkellmu kontra l-atroċitajiet li l-Iżrael qed iwettaq f’Gaża bl-iskuża li l-aġir tagħhom hu/kien antisemitiku. L-universitajiet qed iġarrbu indħil sfaċċat fit-tmexxija u fir-riċerka akkademika.
B’xorti ħażina, l-Istati Uniti donnhom riesqa lejn żmien li jixbaħ dak tas-snin ħamsin tas-seklu l-ieħor meta s-senatur Mc Carthy ressaqhom lejn il-faxxiżmu.