Friday, November 15, 2024

“Kwalunkwe partit li ma jqanqalx diskussjoni ta’ ideat imut mewta naturali”- l-avukat Alex Sciberras

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Biex partit jibqa’ rilevanti d-diskussjoni fi ħdanu trid tibqa’. Trid tibqa’ għaddejja. Irridu nibqgħu niġġeddu maż-żminijiet.  Hemm bżonn diskussjoni estensiva fi ħdanna biex nifhmu fejn irridu nmorru għaż-żmien li ġej u nibnu pjan u viżjoni flimkien. Kwalunke partit u entità li ma tqanqalx diskussjoni ta’ ideat tispiċċa tmut mewta naturali”.

Dan iddikjarah l-avukat Alex Sciberras f’intervista ma’ dan is-sit b’rabta mal-elezzjoni għal kariga ta’ President tal-Partit Laburista. Lil Alex fakkarnieh kif riċentament hu iddikjara li “l-enerġija, l-entużjażmu u iva anke ir-rabja li għadha ħajja ġo fikom tqawwili qalbi. Hemm ħafna xi jsir imma flimkien naslu.” Nistaqsuh x’inhi din ir-rabja li qiegħed jiltaqa’ magħha u x’inhu l-akbar diżappunt tad-delegati u tal-membri.

L-Avukat Sciberras jgħidilna li “l-ewwelnett ir-rabja li qed insemmi hi l-ħeġġa, il-kilba tad-delegati li għadhom qegħdin jemmnu f’dan il-proġett li bdejna ħdax-il sena ilu. Għad hemm l-entużjażmu li naraw li nwasslu dan il-proġett, li fadlilna xogħol x’nagħmlu, li ma wassalniehx fi tmiemu dan il-proġett. Din tqawwili qalbi lili. L-akbar inkwiet li wieħed seta’ jsib hu li naraw li fi ħdanna tlifna l-ħeġġa u dik ir-rieda li nibqgħu inkunu partit ta’ gvern, partit li jgħin lin-nies u partit li jkompi jixpruna lil pajjiżna ‘lquddiem.”

Jenfasizza li “wara 11-il sena fi gvern ċertu dwejjaq jeżisti. Jiġifieri inkun qed nonqos jekk dan ma nirrikonoxxihx. Partit fil-gvern waħda mill-problemi li jiffaċċja hi li jkun iffukat wisq fuq gvern u allura l-istruttruri tal-partit jibdew jitnawru. Dik iva tinħass li l-partit jerġa’ jingħata l-ħajja tiegħu, separat u indipendenti mill-gvern. Jibqa’ l-partit tal-Gvern, il-partit fil-Gvern imma jibqa’ l-Partit Labuirsta ħaj.”

Jisħaq li “ovvjament ukoll ma jonqosx min jgħidlek li rridu nibqgħu viċin tan-nies fit-triq. Nifhmu l-problemi tagħhom ta’ kuljum. Mhux problema kbar. Imma dak li qed ifittxu n-nies hu partit li jismagħhom , li lest jaħdem għalihom. Partit li jara li anke fl-affarijiet iż-żgħar jara li jtihom ħajja aħjar.”

‘Diskussjoni ferventi fuq kollox..

hi waħda mit-talbiet tad-delegati’

Nistaqsuh ukoll kif f’waħda mid-dikjarazzjonijiet li huma għamel semma ir-riformi estensivi fil-Partit Laburista fis-sena 2008. Hu qal li dakinhar kulħadd kein tkellem. Kulħadd instema’ u kulħadd kellu leħen. Kien partit ħaj. Partit ta’ ideat u ideali. Dan hu l-partit li rrid nerġa’ nara.” Minn hawn toħroġ domanda naturali, u din hi dik ta’ jekk dan ifissirx li llum mhux kulħadd jista’ jitkellem fil-Partit Laburista? Mhux kulħadd għandu leħen?

Għal din id-domanda, l-avukat Sciberras jgħidilna li “partit fil-gvern bla ma trid ħafna mir-riżorsi tiegħu ikunu iffukati fuq il-ħidma tal-gvern. Li hu żgur li biex partit jibqa’ rilevanti d-diskussjoni fi ħdanu trid tibqa’. Trid tibqa’ għaddejja. Irridu nibqgħu niġġeddu maż-żminijiet u mhux qed ngħid li rridu nmorru għar-riformi tas-sena 2008.  Dawk kienu riformi f’ħinhom u f’waqthom. Hu l-kif għandna nagħmluhom. Hemm bżonn diskussjoni estensiva fi ħdanna biex nifhmu fejn irridu nmorru għaż-żmien li ġej u nibnu pjan u viżjoni flimkien. Kwalunke partit u entità li ma tqanqalx diskussjoni ta’ ideat tispiċċa tmut mewta naturali. Dan kif ġara lill-Partit Nazzjonalista mis-sena 2008 ‘lquddiem. Din hi waħda mit-talbiet tad-delegati – li jkun hemm diskussjoni ferventi fuq kollox. Mhux neċessarjaemt taqbel fuq kollox. Tagħti l-opportunità lil dak li jkun isemma’ leħnu, ikun parteċipi li minkejja li ma jkunx jaqbel miegħek, tiġbdu miegħek.”

“Mhux se ngħidlek li l-Partit Laburista

tbiegħed għal kollox mill-prinċipji tiegħu”

Nistaqsuh kif meta tara kif mexa l-Partit Laburista ma tridx tkun għaref wisq biex tinduna li tbiegħed mill-prinċipji xellugin. Il-prinċipji li jaqbeż għaż-żgħir u għall-batut twarrbu. Din iħossuha b’mod speċjali l-anzjani Laburisti. Hemm min jgħid li l-Partit Laburista isem biss fadallu għax prinċipji m’hemmx. Anki d-delegati jitkellmu dwar dan. X’tikkumenta?

L-avukat Sciberras iwieġeb li “mhux se ngħidlek li l-Parit Laburista tbiegħed għal kollox mill-prinċipji. Naħseb li dik tkun narrattiva żbaljata. Iva hemm dik id-diskussjoni għaddejja.  U l-messaġġ li qed nibgħat, hu wieħed li l-Partit Laburista irid ikun partit miftuħ ta’ djalogu u li lesta jilqa’ fi ħdanu opinjonijiet diverġenti imma ma ninsewx li aħna l-Partit Laburista.  L-istorja minn fejn tlaqna, il-bażi tagħna trid tibqa’ dik. Il-Partit Laburista eżista u jeżisti għax iva tibqa’ faxxa ta’ nies fis-soċjetà li privileġġi qatt ma kellha, bibien ħadd ma fetħilha li ħadd ma taha xejn fuq platt u kien il-Partit Laburista li tahom it-tama għal għada aħjar. Jekk nitilfu dik inkunu tlifna ruħna.”

Itenni li “nemmen li għadha hemm għax qed insibha fid-delegati u fil-laqgħat li qed ikolli għalhekk ir-rabja u l-ħeġġa, għadha ħajja fina. Li għandha bżonn hu l-ispazju biex nirrijaffermaw dawk il-prinċipjij u naġġornaw għall-esiġenzi u żminijiet ta’ llum.”

Il-Partit Laburista sar partit tan-negozjanti?

Mistoqsi dwar il-fatt li llum il-Partit Laburista hu meqjus bħala partit tan-negozjant. Partit li moħħu f’li jkompli jkabbar l-ekonomija bl-isfidi kollha li din iġġib. Din mhix inkwetanti?

Għal din il-mistoqsija Alex Sciberras jgħidilna li “ma nistax naqbel għal kollox mal-premessa tal-mistoqsija. Importanti li partit fil-gvern ikun viċin in-negozji u viċin in-negozji żgħar u medji. Għax dawn fl-aħħar mill-aħħar joħolqu ix-xogħol u x-xogħol hu parti mis-soluzzjoni għat-tbatija tan-nies hemm barra għax ittihom id-dinjita tax-xogħol, ittihom l-indipendenza u ma jibqgħux dipendenti fuq l-assistenza u l-għajnuna. Dik l-assitenza u dik l-għajnuna trid tkun hemm u ejja inkunu onesti ma’ xulxin hemm qiegħda. Gvern li sena fuq sena żied il-pensjonijiet, realtajiet għax kultant għandna amnesija kollettiva – sentejn ta’ Covid. Din tat-daqqa kbira lill-ekonomija.  Minkejja dan Partit Laburista fil-gvern zamm l-ekonomija għaddejja u żamm in-nies fl-impjiegi, assistenza soċjalista u ordinarja kienet.”

Jisħaq li “l-assistenza fuq is-sussidju tad-dawl u l-ilma li jolqtu fil-laħam il-ħaj ta’ kulħadd. Żgur ma nistgħux inkunu partit li nitbiedgħu minn negozji. In-negozji huma ħolqa kruċjali fl-ekonomija ta’ pajjiżna. Irridu nibqgħu viċin tagħhom u nitbqgħu insibu soluzzjoni magħhom. Soluzzjoni li jridu jkunu sostenibbli u xprunati minn sens ta’ ġustizzja sojali u hemmhekk iva hemm lok fejn nitjiebu u nagħmlu aktar xogħol.”

L-apatija fil-livell ta’ kumitati  u parteċipazzjoni politika….

….’nemmen li l-entużjażmu jerġa’ jitqanqal’

Nistaqsuh dwar l-apatija fil-parteċipazzjoni politika b’mod partikolari fuq livell lokali u anke fl-aħħar elezzjonijiet li kellna. Kif se tiġi miġġielda din l-apatija.

Alex Sciberras jgħidilna li “jien tifel tal-kumitati u tal-kunsilli.  Kont l-ewwel sindku Laburista ta’ l-Imsida fejn kien inqaleb l-kunsill. Naf u napprezza x-xogħol li jagħmlu l-kumitati u l-kunsilli. Konvint li jekk nerġgħu nagħtu s-sens ta’ appartenenza għal dan il-proġett tagħna fil-gvern bħala Partit Laburista nemmen li dak l-entużjażmu jerġa’  jitqanqal. Mhix kwistjoni li dan spiċċa. Dan qed ifittex spazju.  Qed ifittex opportunità li jagħti l-leħen. Hu kruċjali li min qiegħed hemm iridu naħdmu miegħu. Dawn jaħdmu man-nies ta’ kuljum. Importanti li jingħataw dik l-assistenza kif huma iwasslu l-ilmenti, kemm fi ħdan il-partit u fi ħdan il-gvern u naħdmu id f’id magħhom.”

Il-parteċipazzjoni tan-nisa ma’ tgħoddx

fil-Partit Laburista?

Nirrimarkawlu li jekk jirbaħ hu, l-istrutturi tal-Partit Laburista se jkunu kollha meħudin minn persuni tas-sess maskili.  Semmejnielu kif fil-Parlament daħħalna l-mekkaniżmu biex ikun hemm aktar parteċipazzjoni tan-nisa. Fil-każ tal-Partit Laburista jidher li din ma’ tgħoddx?

Għal din id-domanda, l-avukat Sciberras jgħidilna li “mhux se nispekula fuq riżultat.  Diġa hu fatt pożittiv li miegħi hemm kontestanta mara. Il-Partit Laburita minn dejjem ta’ spazju u imbotta lin-nisa u għaraf l-imortanza tagħhom fid-djalettika politika. jien qed nersaq għall-kariga ta’ President li kienet okkupata minn Ramona Attard. Insellem nies oħra li huma uffiċjali bħal Elaine Degiorgio Ċermen tal-Fondazzjoni Ideat, Catherine Fenech, Segretarja tal-Eżekuttiv Nazzjonali, Marię Louise Coleiro Preca, l-ewwel Segretarju Ġenerali ta’ partit politiku. Ma nistgħux nieqfu u hemm bżonn nibqgħu naħdmu biex jinħoloq dak l-ispazju biex in-nies jħossuhom  jew jemmnu li għandhom leħen importanti xi jwasslu.   Minn dejjem kien u minn dejjem se jibqa’ l-Partit Laubista li kien fuq quddiem ta’ dawn l-affarijiet.”

Ekonomija

Sport