Thursday, December 26, 2024

Kwart tal-uffiċjali l-ġodda fl-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi huma nisa

Aqra wkoll

46 rekluta ħadu l-ġurament bħala uffiċjali ġodda fi ħdan l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi, fejn 26% minn dawn huma uffiċjali nisa. Il-ħatra ta’ dawn l-uffiċjali saret il-Ħamis filgħaxija, fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, fil-preżenza tal-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri u l-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Christopher Siegersma.

Dawn l-uffiċjali għaddew minn kors intensiv ta’ 16-il ġimgħa li beda f’Ottubru li għadda u li inkluda fost oħrajn: taħriġ akkademiku, taħriġ fiżiku, taħriġ tal-ewwel għajnuna, tifi tan-nar, u anke saħħa mentali flimkien mal-Fondazzjoni Richmond, fost diversi suġġetti oħra.

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Byron Camilleri appella lill-uffiċjali l-ġodda li għandhom ikunu mhux biss il-kustodji tal-priġunieri u allura tal-ġustizzja fil-prattika, iżda aġenti tar-rijabilitazzjoni, dan għaliex xogħolhom mhuwiex sempliċi impjieg iżda vokazzjoni fejn iridu jgħinu lil ħaddieħor.

Il-Ministru Camilleri tkellem ukoll dwar il-miri tal-Gvern għall-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi u l-Faċilitajiet Korrettivi. “Komplu ibnu fuq il-ħafna tajjeb li sar fl-aħħar snin hekk kif il-ħabs tal-lum ma jintgħarafx minn ftit snin ilu. Aħdmu sabiex persuni li jkunu ġew hawnhekk sabiex jiskontaw sentenza jirritornaw lura fis-soċjetà bħala persuni aħjar,” temm jgħid il-Ministru Camilleri.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Ezekuttiv Christopher Siegersma għamel referenza għax-xogħol kbir li sar fi ħdan il-Faċilitajiet Korrettivi id f’id mal-fondazzjonijiet li jaħdmu fi ħdan l-istess faċilitajiet, partikolarment ir-RiSe u mid-Dlam għad-Dawl.

TCO 07 Magdylon Briffa waqt li ngħata l-premju tal-aqwa rekluta

“Irrid insemmi li apparti mid-dmirijiet tagħna li nassiguraw li r-residenti hawn ġew jiskontaw is-sentenza mogħtija mil-liġi jagħmlu dan b’osservanza tar-regoli u b’rispett lejkom, daqstant ieħor huwa importanti ħafna li intom turu l-istess rispett lejn mhux biss il-kollegi tagħkom, iżda anke lejn l-istess residenti.

Ġaladarba ġejtu mħarrġa f’diversi suġġetti, tafu li xi kultant anke kelma taf tagħmel id-differenza ma’ xi ħadd li qiegħed hawn ġew,” temm jgħid is-Sur Siegersma.

Il-premju tal-aqwa rekluta ngħata lil TCO 07 Magdylon Briffa, li ġab l-ogħla marki f’kull taħriġ li sar matul ir-reklutaġġ.

Ekonomija

Sport