Monday, December 23, 2024

Kważi 2,500 persuna oħra jitlaqqmu mingħajr appuntament fil-Belt Valletta

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

6:45 p.m: 2,471 persuna tlaqqmu aktar kmieni permezz tal-mobile clinic stazzjonat quddiem il-Parlament fil-Belt Valletta. Ikkonferma dan ma’ INewsmalta d-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne hekk kif laqa’ b’sodisfazzjon dan l-ammont li jkompli jikkonferma kemm l-awtoritajiet Maltin qegħdin imexxu bi pjan għaqli fejn jidħol il-programm ta’ tilqim.

Meta mistoqsi minn dan is-sit dwar jekk l-awtoritajiet humiex jikkunsidraw l-għeluq mill-ġdid ta’ xi stabbilimenti minħabba żieda fil-każi, Fearne kkonferma li l-ħsieb huwa li jkompli jimbotta fuq it-tilqim u ddeskrivieh bħala l-aqwa arma kontra l-virus.

Is-servizz ta’ tilqim mingħajr appuntament mill-Belt Valletta jkompli għada kif ukoll il-Ħamis.

11:00 a.m: Id-DPM u Ministru tas-Saħħa jżur l-andament tat-tilqim bla appuntament fil-Belt Valletta

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ftit tal-ħin ilu żar il-mobile clinic li qiegħed joffri s-servizz ta’ tilqim mingħajr appuntament. F’kumment lil dan is-sit il-Ministru rringrazzja lil dawk kollha involuti f’dan is-servizz fosthom lill-uffiċjali tal-Pulizija li qed jżommu kontroll, lill-voluntiera li qegħdin jieħdu ħsieb id-dokumentazzjoni u lil dawk li qegħdin ilaqqmu fost persuni oħra involuti. Filwaqt li laqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li mill-ġdid għadd kbir ta’ persuni aċċettaw l-istedina biex jitlaqqmu, mill-ġdid fakkar l-appell tiegħu biex aktar persuni li għadhom bejn ħalltejn jaċċettaw l-istedina. Huwa fakkar li mill-ġimgħa d-dieħa se jsiru wkoll sessjonijiet ta’ tilqim filgħaxija biex tintlaqat faxxa oħra tas-soċjetà li bis-sistema kif inhi forsi għadhom mhumiex disponibbli biex jitlaqqmu. Huwa temm isostni li minkejja li l-programm sejjer tajjeb ħafna, it-tilqima hija l-aħjar arma li għandna f’idejna kontra dan il-virus tal-Covid-19.

9:00 a.m: Kju kbir għat-tilqim bla appuntament mill-Belt Valletta

Bil-għan li jkun mgħaġġel aktar il-proċess tal-vaċċinazzjoni f’pajjiżna, mill-ġimgħa li għaddiet beda l-proċess ta’ tilqim bla appuntament f’walk-in clinics li kienu armati fil-Mosta, Iż-Żejtun u San Ġiljan.

Minbarra f’dawn il-postijiet, dan is-servizz kien qiegħed jingħata wkoll mill-Università ta’ Malta u mit-Teatru Aurora f’Għawdex.

Fl-aħħar tal-ġimgħa, il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne kkonferma s-suċċess ta’ din l-inizjattiva li wasslet biex tlaqqmu aktar minn 8,000 persuna.

Illum dan is-servizz se jkun qiegħed ikompli mill-Belt Valletta minn quddiem il-Parlament. Sa minn kmieni dalgħodu folla kbira ta’ nies inġabret biex titlaqqam kontra dan il-virus. 

Jidher li l-appelli tal-awtoritajiet mhumiex jaqgħu fuq widnejn torox u dan hekk kif il-konkorrenza għal dawn il-mobile clinics għadha waħda qawwija.

Ekonomija

Sport