Friday, December 13, 2024

Kważi disgħa minn kull 10 f’Malta użaw l-internet

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Kważi disgħa minn kull 10 persuni bejn is-16 u l-74 sena użaw l-internet matul is-sena li għaddiet. 

L-istħarriġ dwar l-użu tat-teknoloġija tal-informatika u l-komunikazzjoni maħruġ mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) u li huwa parzjalment finanzjat mill-Kummissjoni Ewropea wera kif kważi dawk kollha bejn is-16 u l-24 sena użaw l-internet fl-2021. Dan filwaqt li l-inqas li għamlu użu minnu kienu anzjani bejn il-65 u l-74 sena. 

L-istudju sab li l-użu tal-internet f’Malta kien fl-istess livell tal-medja tal-istati membri tal-Unjoni Ewropea. L-internet kien użat l-iktar għal skopijiet ta’ komunikazzjoni (97.9%) u għall-aċċess għall-informazzjoni (95.4%). 

Bejn l-2020 u l-2021, in-numru ta’ utenti tal-e-Government żdied b’14.8%. F’termini assoluti, il-popolazzjoni li taċċessa s-servizzi tal-e-Government kienet ta’ 252,385, ekwivalenti għal 72.5% ta’ dawk li jagħmlu użu mill-internet. L-użu ta’ dan is-servizz kien aktar komuni fost individwi ta’ bejn is-16 u l-34 sena. 

L-istħarriġ sab ukoll sebgħa minn kull 10 utenti tal-internet kellhom ħiliet diġitali ġenerali “bażiċi” jew “aktar milli bażiċi.” Min-naħa l-oħra, l-utenti tal-internet li kienu involuti f’attivitajiet ta’ e-commerce matul il-perjodu inkwistjoni kienu jammontaw għal 227,201. Il-maġġoranza ta’ dawn kellhom bejn 25 u l-44 sena.

Ekonomija

Sport