Wednesday, April 24, 2024

Kważi nofs il-ħaddiema f’Malta kkuntattjati wara l-ħin tax-xogħol

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Id-dritt għal diskonnessjoni, jew kif inhu aktar magħruf  bħala ‘the right to disconnect’, huwa dritt eżistenti għal kundizzjonijiet tax-xogħol diċenti, tant meħtieġa għall-benesseri tal-ħaddiema kollha. Filwaqt li d-diġitalizzazzjoni ġġib diversi vantaġġi, waslet biex il-ħin tax-xogħol twal iżjed u ġabet il-ħaddiem dejjem aċċessibbli.

Minn statistika tal-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea (EUROSTAT), li analizzat b’mod speċifiku l-aħħar xahrejn tas-sena l-oħra, ħareġ li 46% tal-ħaddiema f’Malta ġew ikkuntattjati wara l-ħin tax-xogħol, fejn 27% minnhom ġew kkuntattjati b’mod okkażjonali, 13% kkuntattjati diversi drabi u kien meħtieġ li tittieħed azzjoni diretta u 6% minnhom ikkuntattjati diversi drabi iżda ma kienx hemm il-bżonn li jittieħdu azzjonijiet diretti.

Dawn iċ-ċifri huma akbar mill-medja Ewropea, ħlief għall-aħħar stastistika. Il-medja fl-UE hija li 23% ġew kkuntattjati b’mod okkażjonali, 10% ikkuntattjati diversi drabi b’azzjoni diretta meħtieġa u 7% ikkuntattjati diversi drabi mingħajr il-bżonn ta’ azzjoni diretta.

FL-istess waqt, l-istatistika turi li aktar minn nofs tal-ħaddiema (54%) f’Malta ma jkollhomx kuntatt mix-xogħol waqt il-ħin liberu. Din iċ-ċifra hija ftit inqas mill-medja tal-Unjoni Ewropea li hija 59%. 

Ftit tax-xhur ilu, l-MPE Alex Agius Saliba kien sostna l-fatt li l-impjegati jitpoġġew taħt pressjoni biex ikunu dejjem disponibbli għandha impatti detrimentali fuq is-saħħa fiżika u l-benesseri mentali u tikkomplika l-kisba tad-drittijiet fundamentali tas-saħħa u s-sigurtà.

F’Ġunju li għadda kien tħabbar kif għall-ewwel darba, sal-aħħar tas-sena, il-Parlament Ewropew huwa mistenni jadotta rapport fuq inizjattiva proprja dwar dan is-suġġett mill-MPE Agius Saliba, bil-għan li jissalvawardja s-saħħa mentali u fiżika tal-ħaddiema u d-dritt tagħhom li jiskonnettjaw diġitalment.

Il-General Workers’ Union (GWU) temmen li r-rapport imressaq minn Agius Saliba huwa pass importanti f’direzzjoni tajba u kellha diversi laqgħat mal-MPE biex tagħti l-kontribut f’dan ir-rapport. Fost il-punti li l-GWU taqbel ampjament magħhom huma li dan id-dritt għandu japplika għall-ħaddiema kollha li jużaw għodda diġitali, kemm ħaddiema pubbliċi kif ukoll fil-privati, dritt tal-privatezza, min iħaddem ma jistax jobbliga lill-ħaddiema jibqgħu jaqraw l-emails u jirrispondu l-mobile wara l-ħin tax-xogħol, kumpens għal xogħol imwettaq barra mill-ħin tax-xogħol u informazzjoni bil-miktub dwar id-dritt ta’ diskonnessjoni lill-ħaddiema.

L-istatistika turi li l-Litwanja huwa l-aktar pajjiż fejn il-ħaddiema ma jiġux kkuntattjati fil-ħin liberu tagħhom (80%), segwit minn Ċipru bi 72%. Minn-naħa l-oħra, il-Finlandja huwa l-aktar pajjiż fejn il-ħaddiema jiġu kkuntattjati diversi drabi wara l-ħin tax-xogħol u jkun hemm bżonn li tittieħed azzjoni diretta. (23%)

Sport