Sunday, December 22, 2024

Kważi rduppjaw l-applikazzjonijiet approvati għal trasferiment ta’ art bi qbiela

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fil-Parlament issoktat id-diskussjoni dwar l-estimi finanzjarji tal-Awtorità tal-Artijiet, fejn il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri elenka l-ħidma mwettqa minn din l-Awtorità u dak li se tkun qiegħda tagħmel fiż-żmien li ġej. 

Huwa beda biex qal li din l-Awtorità hi importanti ħafna f’pajjiżna u tmiss ma’ ħafna nies u negozji f’pajjiżna. Huwa tkellem fost oħrajn dwar il-ħidma li saret fejn jidħlu l-applikazzjonijiet tat-trasferiment tal-qbiela. 

“Dan kien proċess mexa ħafna. Fis-sena 2020 kien hemm 247 ta’ applikazzjoni li ġiet approvata. Is-sena li għaddiet dawn il-proċess kważi rduppjaw fejn ġew approvati 413-il applikazzjoni.

“Proċess fejn ikollok bidwi li jgħaddi l-art agrikola li tinħadem lil bidwi ieħor, jew missier li jgħaddi lil iben jew bint jew proċessi oħra simili. Din is-sena nistennew li din il-figura tiżdied ħafna aktar għax qed naraw li l-proċess ikun aktar streamlined,” qal il-Ministru Schembri.

Huwa qal ukoll li l-amministrazzjoni bdiet proċess u proġett biex tissimplifika u tiddiġitalizza l-proċessi kollha tagħha biex ikollha sistema paperless. Huwa qal li dan il-proċess jinsab kważi lest. “Diġà bdejna ċertu Dipartimenti u nħares ‘il quddiem sabiex eventwalment il-proċessi kollha jkunu b’mod diġitali.”

Barra minn hekk, l-Awtorità se tagħmel riorganizzazzjoni interna tad-Direttorati u l-funzjonijiet tagħhom u dan kollu se jkun megħjun b’aktar investiment u diġitalizzazzjoni tal-proċessi b’appoġġ li minn Ottubru li ġej se jibda programm ta’ taħriġ fuq żewġ livelli.

Dan se jkun iddisinjat b’kollaborazzjoni mal-Università ta’ Malta, bil-għan li jipprovdi pjattaforma akkademika immirata speċifikament għall-ħaddiema tal-Awtorità bil-possibiltà ta’ apprentistat mal-istess awtorità.

Huwa tenna li matul din is-sena l-Awtorità se tikkonċentra fuq inizjattivi mħabbra mill-manifest elettorali fosthom skemi għal xiri dirett ta’ siti f’żoni residenzjali sa massimu ta’ 50 metru kwadru.

Semma wkoll it-tnedija ta’ skema biex jiġu mġedda dawk iċ-ċnus li skadew u l-ħruġ mill-ġdid tal-iskema magħrufa bħala l-Valletta Shop Scheme. Dwar din tal-aħħar, il-Ministru Schembri spjega li “ftit tas-snin ilu konna ħriġna bi skema, bħala proġett pilota, li tat serħan il-moħħ lil dawk li għandhom ħwienet fil-Belt Valletta, li tathom titlu aktar fit-tul sabiex dak li jkun ikun jista’ jinvesti iktar fin-negozjuu tiegħu.

“Rajna investiment qawwi fil-Belt Valletta fl-entitajiet u siti kummerċjali li kellhom titolu mal-Awtorità tal-Artijiet. Qed naraw li nestenduha madwar il-pajjiż kollu. Qed naraw li dawk li għandhom titlu ta’ kera kummerċjali u jridu jagħmlu ċertu investiment ikollhom titolu ta’ ċens aktar fit-tul sabiex jipprovdi inċentiv għal investiment fit-tisbiħ u rranġar ta’ dawn l-istess proprjetajiet.”

Il-Ministru Schembri kompla jgħid li l-Awtorità se tkompli tappoġġja lill-Ministeri, Dipartimenti, awtoritajiet u aġenziji fil-ħtiġijiet varji tal-proprjetajiet tagħhom. Fl-istess waqt, l-Awtorità qiegħda tiddiskuti l-allokazzjoni ta’ numru ta’ proprjetajiet għal NGOs u organizzazzonijiet volontarji varji u qed tikkunsidra li ssaħħaħ l-appoġġ leġiżlattiv biex jiffaċilitaw l-allokazzjoni ta’ proprjetajiet bi prezzijiet favorevoli.

Ekonomija

Sport