Saturday, December 21, 2024

Kważi terz tal-istabbilimenti tal-catering jgħidu li żdidilhom il-bejgħ u d-dħul

… 61% jantiċipaw li se jkollhom dħul akbar bejn Lulju u Diċembru

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Kważi terz (32.6%) tal-istabbilimenti tal-catering irrapportaw li żdidilhom il-bejgħ u d-dħul tagħhom fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena meta kkumparat mal-istess perjodu tas-sena ta’ qabel. Fl-istess waqt, 27.8% qalu li baqgħu kif kienu u 38.8% oħra qalu li naqsilhom id-dħul.

Dan ħareġ minn stħarriġ li sar mill-Prof. Vincent Marmarà, ibbażat fuq riċerka ekonomika dwar l-istabbilimenti tal-catering f’Malta u li ġie kkummissjonat mill-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering (ACE). Dan l-istħarrġ sar fost 200 sid ta’ stabbiliment tal-catering u jkopri l-perjodu Jannar – Ġunju 2024.

Meta mistoqsijin jekk hux qed jantiċipaw żieda fid-dħul u l-bejgħ tagħhom bejn Lulju u Diċembru 2024, 38.9% ta’ dawk li wieġbu qalu li jaħsbu li se jkollhom inqas, mentri 61% qed jantiċipaw li se jkollhom dħul akbar f’dan il-perjodu.

Mill-istess stħarriġ ħareġ ukoll li kien hemm 26.4% li kellhom profitt simili għal dak li kellhom is-sena li għaddiet, 16.6% qalu li kellhom tnaqqis ta’ bejn 1% u 5% segwiti minn 15.7% li wieġbu li kellhom żieda ta’ bejn 1% u 5%.

Dawk li ġew intervistati kienu wkoll mitluba jgħidu kemm bħala medja l-klijenti jonfqu fl-istabbilimenti tal-catering tagħhom. 39.8% qalu li bħala medja, kull klijent jonfoq bejn €15 u €29 filwaqt li 24.3% qalu li l-klijenti tagħhom jonfqu bejn wieħed u ieħor €30 u €49 kull persuna. Kienu biss 1.2% tal-istabbilimenti tal-catering li rrapportaw li l-klijenti tagħhom jonfqu €75 jew aktar kull persuna.

Meta mistoqsija jekk għamlux xi tip ta’ investiment fl-istabbiliment tal-catering tagħhom bejn Lulju 2023 u Lulju 2024, 55.9% wieġbu li “IVA” u 44.1% qalu li “LE”. Dwar jekk investewx f’negozju ġdid f’dan il-qasam f’dawn l-istess 12-il xahar, il-maġġoranza qalu “LE” (78.5%) filwaqt li 21.5% qalu “IVA”.

Fl-aħħar nett, kien hemm 56.3% li qalu li mhumiex interessati li jinvestu fir-ristorant/i tagħhom jew fi stabbilimenti oħra fi ħdan l-istess settur fit-12-il xahar li ġejjin, b’24% jgħidu li “forsi” jinvestu u 19.8% qalu li huma interessati li jinvestu.

Dawk li kellhom ristorant “fine dining” iddikjaraw li huma l-aktar interessati li jinvestu fl-istabbiliment tagħhom jew fi stabbilimenti oħra fiż-żmien li ġej.

Ekonomija

Sport