Wednesday, April 24, 2024

KWISTJONI TA’ SKART – IL-BORŻA L-ĦAMRA

Lorna Vassallo

Aqra wkoll

Il-bidla fl-iskeda tal-ġranet tal-iskart u li daħlet fis-seħħ proprju llum, qajmitli kurżità kbira. Iżda nammetti li ħriġt diżilluża. Tidher li saret aktar għal raġunijiet loġistiċi, iżda hija sfortuna li ma indirizzat ebda mill-problemi li jesperjenzaw in-nies kuljum. Se mmur dritt għall-punt u nelenka tibdil li xtaqt li jsir u li għadna ferm ’il bogħod milli nindirizzaw. Jien noqgħod f’żona pjuttost moderna u mimlija barranin imma mimilja boroż ta’ skart mhux fil-ġranet li suppost. Kuljum boroż ta’ kull kulur fuq il-bankini tant li qajla tista’ timxi. Imbagħad f’żewġ postijiet jew tlieta donnhom żviluppaw miżbliet illegali. F’kantuniera minnhom ġieli inġema’ skart m’għola bniedem bid-dubbien idur madwaru, intiena u boroż ħadd ma jaf x’fihom eżatt. Iżda, m’hemmx isbaħ mis-suġġerimenti:

Prattiċi tajbin – żibel jinġabar tard jew filgħaxija

Prattika li nista’ nfaħħar ħafna huwa l-fatt li l-iskart qed jinġabar tard jew waranofsinhar. Għalhekk jekk bniedem qiegħed id-dar u nesa joħroġ l-iskart filgħodu għandu ċans jiftakar joħorġu aktar tard. Anke jekk forsi nesa u ħareġ jixtri, għandu ċans jirritorna lura d-dar u joħorġu. Nemmen li f’żona predominati mill-Maltin, nies jgħixu waħedhom u barranin, din hija prattika li għandha tiġi implimentata uffiċjalment. S’issa probabbilment qed issir minħabba problemi loġistiċi imma għandha ssir anke bi ħsieb. 

Aktar ġranet għal ġbir ta’ skart organiku

L-iskart organiku jrid jinġabar f’aktar ġranet matul il-ġimgħa. Bejn il-Ġimgħa u t-Tnejn hemm wisq ġranet. U ma jinġabarx is-Sibt. Min jaħdem ħamest ijiem fil-ġimgħa, l-aħjar ġurnata biex jipprepara l-iskart huwa s-Sibt u ebda ġurnata oħra. Minbarra hekk, għal persuni li jippreparaw l-ikel ta’ ġimgħa sħiħa s-Sibt, jista’ jkun li jekk l-iskart jinġabar tard is-Sibt ikunu jistgħu l-ewwel isajru kmieni u s-Sibt stess jeħilsu minn ħafna qxur, bajd u ikel li wara ftit sigħat, speċjalment fis-sajf jibda jiddeterjora. Jien nipprepara ħafna ikel għal ġimgħa sħiħa s-Sibt u nispiċċa nġemma’ l-qxur sat-Tnejn! Ma ninsewx ukoll li jekk bniedem jinsa jarmi l-iskart organiku l-Ġimgħa bi żball – ikollu jissaportih erbat ijiem twal fil-kċina jew fil-gallarija.

Meta ssiefer

Xi ħaġa li dwarha hemm xi jsir ħafna hija meta persuna ssiefer? X’tagħmel eżatt? Il-verità hija li meta bniedem isiefer għal ġimgħa jew aktar bilfors ikollu l-iskart. Ikollu skart ‘tajjeb’ u ieħor ‘ħażin’. Bi skart tajjeb irrid ngħid, pereżempju oġġett li jkun fil-friġġ u ġdid u taf li meta tasal lura ma tistax tużah. Imbagħad hemm l-iskart il-‘ħażin’. Diġà ssuġġerejt f’artiklu passat li għandu jinħoloq ‘bank tal-ikel’ l-ajruport fejn jinżamm ċertu ikel tajjeb li joffru n-nies qabel ma jsiefru eż. Larinġ, ħobż. Jista’ ma jiġix aċċettat kollox, jew inkella tista’ wkoll issir friża għal ikel ieħor li jeħtieġlu jinżamm fil-friża. Kieku forsi jonqos l-iskart minn fuq il-bankini.

Ma ninsewx jeżistu sitwazzjonijiet oħra fil-ħajja fejn wieħed jarmi ikel tajjeb. Fost dawn meta bniedem jibda d-dieta, jaqleb veġetarjan jew jiġi mgħarraf b’marda. F’dawn is-sitwazzjonijiet, il-persuna ħafna drabi jkollha ammonti ta’ ikel mixtri bil-quddiem li ġenwinament trid teħles minnu. Kważi m’hemm imkien fejn tmur uffiċjalment u tiddepożita tali ikel għajr xi battikata tfittex xi ONG biex tagħtihulha. Barra minn Malta saħansitra jeżisti servizz bieb, bieb, li jiġbor ikel se jiskadi jew ikel tajjeb. 

Nemmen ukoll, kif issuġġeriet l-MP Rosianne Cutajar li għandhom isiru kmamar tal-iskart. Anke għal dan l-iskop. Ma rridux ninsew li suppost jekk persuna toħroġ l-iskart fuq il-bankina fil-ħin jew il-ġurnata jew il-post il-ħażin tista’ tiġi mmultata b’mod eżorbitanti. Iżda persuna jew koppja li se jsiefru li m’għandhom lil ħadd joħdilhom ħsieb il-post m’għandhom ebda għażla. L-għażla għandha teżisti. Anke jekk il-persuna tiġi, pereżempju mitluba tipprovdi prova li se ssiefer biex tarmi l-iskart f’ċertu postijiet (ħalli wieħed jevita influss ta’ persuni li jużaw il-post). Li nemmen huwa però, li ma tistax tillimita tali postijiet għal xi blokok ġodda imma tagħmilhom uffiċjali tal-Gvern. Dan billi ħafna postijiet huma diġà mibnija u f’ħafna żoni inutli tintroduċi kmamar fil-blokok ġodda għaliex blokok ġodda litteralment ma jeżistux. Ma tistax teskludi lil min joqgħod fi blokok ‘antiki’. 

U persuna li tnaddaf?

Waħda mill-problemi li r-riforma żgur li mhijiex se tindirizza huwa l-fatt li nemmen li ħafna mill-iskart li jinħareġ f’ħinijiet ħżiena, jinħareġ minn min inaddaf il-postijiet speċjalment tal-kiri. Jekk is-sid/t ħallsu lil persuna biex tnaddaf u din/dan għandhom boroż tal-iskart it-Tlieta, mhux se jħallashom l-Erbgħa u s-Sibt biex joħorġulu l-boroż l-oħra. Allura, dawn joħorġu kollox f’daqqa, fl-istess ġurnata – boroż tal-organiku, suwed u tar-riċiklabbli u jibqgħu fuq il-bankina sakemm tasal il-ġurnata. Il-problema hi wkoll li f’ċerti żoni tant ikun hemm minn dawn l-appartamenti li bejniethom ifissru miżbla fuq il-bankini kuljum. Speċjalment meta magħdudin mal-boroż ħżiena li joħorġu r-residenti barranin stess għax ma jistgħux jifhmu s-sistema.

Ġbir żejjed?

Personalment nemmen ukoll li jekk l-iskart jiġi sseparat sewwa probabbilment m’hemmx għalfejn, fiċ-ċirkostanzi tal-lum, li jinġabar l-iskart riċiklabbli darba f’ġimgħa. L-iskart riċiklabbli ma jintinx. Jinten biss jekk il-kontenituri, boroż eċċ. ma jinħaslux (hawnhekk irrid nagħmel emfasi li m’għandhomx jinħaslu b’ilma tajjeb imma b’ilma użat għall-ħasil ta’ affarijiet oħra). 

Huwa biss min iħalli t-tazzi tal-jogurt maħmuġin li jintinlu l-iskart organiku. Jew minn ma jqattarx il-kontenut sewwa jew min iħalli l-kunserva fil-bott. Nemmen għalhekk, li għalkemm fejn għandek għadd ta’ nies flimkien, darba kull ħmistax jista’ jkun ftit, billi issa tneħħew il-fliexken minn mal-iskart riċiklabbli, il-fatt li dan it-tip ta’ skart jinġabar inqas spiss jista’ biss jeduka biex il-persuni jintebħu li għandhom bżonn jaħsluh u mhux jitfgħuh kif ġie, ġie, fil-borża u b’nofs il-kontenut miegħu.

Il-borża l-ħamra?

Qamet ukoll il-kontroversja tal-borża s-sewda bis-suġġeriment ikun li jkun jidher il-kontenut ta’ ġo fiha minn barra. Il-periklu tal-borża s-sewda trasparenti hija l-informazzjoni li tista’ tagħti dwar il-persuna li ramietha u li saħansitra nemmen li tista’ tagħti lok mhux biss għal ċertu diżgwid u tgħajjir bejn il-ġirien imma wkoll għal vjolenza domestika. 

Fil-każ ta’ borża trasparenti, kif irrimarkatli kollega tax-xogħol, allura n-nisa huma mistennija joħorġu l-aktar affarijiet intimi tagħhom f’boroz li jidher kollox minnhom fuq il-bankina? Mara jkollha turi bilfors li għandha tarbija? L-anzjani se jkollhom jarmu l-ħrieqi jidhru mill-borża? U xi ngħidu għal dawk li mhumiex anzjani u għandhom problemi ta’ saħħa li jidhru ovvji mill-borża taż-żibel?

Tali borża tneħħi ħafna mid-dinjità kemm tan-nisa kif ukoll tal-morda. Apparti dan il-ġar/a jew barrani, sakemm mhux xi bniedem li qed isegwi persuna, xi eks-raġel jew mara, jistgħu jindunaw mill-iskart jekk il-mara/raġel ieħor hux qed toħroġ ma’ persuna oħra? Jekk hix tqila? Jekk għandhiex tarbija ġdida? Jekk tilfitx it-tarbija? Jista’ jkun li nistgħu nispiċċaw b’ġara tgħajjar lill-oħra għax m’għadx jista’ jkollha aktar tfal? Jew li raġel vjolenti jara l-borża tal-ġara u jaħsibha tal-eks-mara u jħebb għaliha għax jaħseb li qed taqlibielu (bħalma jidher li ġara fil-każ ta’ Bernice)? Jew li ġar jgħajjar lill-ieħor għax qed irabbi l-għasafar fil-blokka? Jew li l-pulizija u l-avukat issa jfittxu fl-iskart jew għallinqas fir-ritratti tal-boroż tal-iskart biex isibu l-provi ta’ adulterju u elf kwistjoni oħra matrimonjali?

L-ewwelnett, għalkemm ma naqbel xejn ma borża trasparenti, jekk tali sistema tiġi xi darba introdotta, importanti jiġu introdotti wkoll l-kmamar tal-iskart li semmejt. Ħalli persuna li ma tixtieqx turi x’qed tarmi, għallinqas, tista’ tagħżel li għallinqas tmur b’karozza u ċertu skart tarmieh band’oħra. 

Minbarra hekk, jista’ jkun li hemm bżonn li tiġi introdotta borża oħra – forsi iżgħar fid-daqs biex tagħti inqas lok għal abbuż? Jiġifieri borża, pereżempju ħamra, fejn persuna tista’ tarmi (dejjem jekk trid), ċertu prodotti tan-nisa, tat-tfal u ħrieqi tal-anzjani aktar spiss fil-ġimgħa bla ma tarmi l-borża s-sewda. Għalkemm l-introduzzjoni ta’ borża ġdida tista’ tagħti lok għal aktar spekulazzjoni tal-ġirien, tal-persuni li jsegwu jew ta’ eks-konjuġi, xorta waħda tista’ tkun ta’ għajnuna u tinġabar aktar spiss. Sa fejn naf jien, l-iskart ‘perikoluż’ jinġabar fl-istess trakk tal-iskart organiku u b’hekk il-borża ‘il-ħamra’ tkun tista’ tinġabar aktar spiss.

B’hekk, il-borża s-sewda tibqa’ biss għall-knis, ħwejjeġ, xagħar, ġablo u affarijiet oħra li ma jintnux u jistgħu jistennew. Jien ukoll jista’ jkolli r-riżervi tiegħi dwar borża oħra speċifikament għal affarijiet ‘intimi’ u mediċi, iżda din tista’ tkun parti mis-soluzzjoni. Rigward il-fatt li forsi tkun iżgħar, l-idea hi li timtela malajr u ma tħallix lok li jintefa’ fiha skart organiku bħalma jidher li qiegħed jiġri fil-każ tal-borża s-sewda. Xorta jibqa’ l-problema tal-ħrieqi iżda, kif għidt, u b’hekk, forsi wieħed jista’ jew jintroduċi boroż ħomor kbar jew dawn jibqgħu jintremew fil-borża s-sewda l-kbira. 

L-idea ta’ daqs iżgħar tista’ wkoll tiġi introdotta fil-borża s-sewda, ta’ min jgħid. Però fi kwalunkwe każ, ħafna mis-suġġerimenti jistgħu jkunu dibattibbli. Naħseb li l-unika ħaġa li verament hemm bżonn huma l-kmamar tal-iskart imsemmija. Kemm jekk bniedem ma jixtieqx juri x’qed jarmi, kemm jekk se jsiefer u kif ukoll jekk qed inaddaf post tan-nies, jekk ikunu jeżistu tali kmamar jista’ jitfagħhom fil-karozza u jeħodhom. S’issa l-unika soluzzjoni hija li jikser ir-regolamenti. U r-regolamenti, minkejja multi eżorbitanti, qegħdin jinkisru u bil-kbir. 

Sport