Fost il-kwistjonijiet ewlenin li matul is-sena l-ġdida għad iridu “jiżviluppaw” (frażi li jkollha tintuża b’sens ta’ prudenza), bla dubju fuq quddiem nett insibu l-gwerra tal-Ukrajna u d-diżastru fil-Gaza. Lil hinn minnhom iżda, se jibqgħu ibaqbqu kwistjonijiet oħra.
Fl-Istati Uniti: Kemm se jibqa’ jinfirex l-awtoritarjaniżmu presidenzjali, f’pajjiż li kien jiftaħar b’sistema kostituzzjonali ibbażata fuq iċ-“checks and balances”? L-ekonomija Amerikana vera se tieħu sabta jew se tirrombla ’l quddiem?
Fl-Ewropa: X’se jiġri mill-paraliżi fil-politka interna ta’ Franza? Il-koalizzjoni ta’ gvern Ġermaniża se tkun stabbli? L-Unjoni Ewropea se tibqa’ inkoerenti? Il-lemin estrem se jibqa’ jissaħħaħ?
B’mod ġenerali: L-ekonomiji l-kbar se jkomplu jirrankaw fuq il-muturi tal-produzzjoni tal-gwerra u tal-intelliġenza artifiċjali? L-inċertezzi globali se jibqgħu jsostnu l-prezz tad-deheb fil-livelli inkredibbli li laħqu sa issa? Il-problemi u d-diffikultajiet tal-pajjiżi “tas-Sud” se jibqgħu mwarrba u minsija?
Sadattant, wieħed ma jistagħġibx jekk fix-xhur li ġejjin iqumu kwistjonijiet kbar li bħalissa ħadd mhu qed jarahom riesqa.
KONFRONTI POLITIĊI
F’imgħoddi mhux daqstant imbiegħed, il-konfronti politiċi bejn il-partiti kienu jkunu dwar għażliet nazzjonali kbar – integration jew status ta’ dominion; indipendenza llum jew mhux għalissa; soċjaliżmu demokratiku jew demokrazija kristjana; income tax u VAT jew le; membri tal-Unjoni Ewropea jew partnership; nazzjonalizzazzjoni jew privatizzar ta’ azjendi governattivi; relazzjoni bejn Knisja u stat… Kollha għażliet li ddeterminaw il-futur tas-soċjetà kollha kemm hi.
Il-konfronti politiċi tal-lum fostna ma jidhrux daqstant fondamentali. Il-kwistjonijiet hekk dwar il-futur tal-pajjiż, tajjeb jew ħażin, ġew deċiżi u ma baqgħux jiġu kontestati. L-oqsma li f’pajjiżi oħra taw in-nar lil-lemin jew lix-xellug estrem (bħall-immigrazzjoni) sa issa ma kellhomx dak l-effett hawn. Id-deċiżjonjiet il-kbar quddiem il-poplu huma aktar dwar min imexxi, milli dwar id-direzzjoni tat-tmexxija.
L-ILPUP
Ftit jistgħu isiru jafu kemm l-affarijiet ta’ enti/komunità/għaqda jistgħu mill-ħażin imorru għall-agħar, daqs dawk li bħali ilhom fuq li ilhom jappoġġjaw lit-team tal-football tal-Wolverhampton Wanderers. Konna nafuhom fil-bidu “nett” bħala t-tim li jwerwer lil kull min jilgħab kontrih. Ġie żmien meta l-affarijiet ma baqgħux daqshekk impressjonanti. It-tim qatta żmien fir-rang tat-tieni klassi jew agħar.
Qatt ma ġara bħal dis-sena li l-Wolves jagħmlu logħba wara logħba b’telfa. Id-draw mal-Manchester United fl-aħħar tas-sena mhi tal-ebda faraġ. Sa tmiem dis-sena l-punti li rnexxielhom itellgħu mil-logħbiet li lagħbu f’li konna nsejħulha l-ewwel diviżjoni kienu 3! Qatt ma niftakar nixfa bħal din. X’aktarx li fil-futur qarib, il-prospett se jibqa’ wieħed ta’ aktar miżerja!
AWGURI
Xewqat sbieħ lill-istaff u l-qarrejja ta’ talk.mt għal Sena Ġdida mimlija riżq.

