Minkejja li l-attakkant internazzjonali Franċiż, Kylian Mbappe għadu ma lissen l-ebda kelma dwar il-futur tiegħu, qed jingħad li Real Madrid huma ottimisti li se jmur jilgħab fil-Bernabeu Stadium.
Matul dawn l-aħħar xhur kien hemm kull spekulazzjoni dwar il-futur tiegħu hekk kif il-club tiegħu, Paris St-Germain, ressaq offerta mill-aktar attraenti biex Mbappe jġedded il-kuntratt u jibqa’ fil-kapitali Franċiża, minħabba li se jintemmlu l-kuntratt.
Iżda huwa se jistenna tmiem l-istaġun biex iħabbar il-futur tiegħu.
Il-kritiċi tal-football qed isostnu li s-silenzju ta’ Mbappe qed ifisser li huwa se jmur jilgħab fil-kapitali Spanjola fejn din il-ġimgħa ntlemaħ ukoll f’restaurant f’Madrid.
Aktar minn hekk, il-media Spanjola ħabbret li l-club Madrilen diġá pprintja l-isem ta’ Mbappe fuq 20,000 flokk tat-team li mistennija jinbiegħu fil-ġurnata li jiffirma.
Meta ġie mistoqsi dwar il-futur tiegħu, l-attakkant ta’ 23 sena qal li jinsab seren dwar id-deċiżjoni tiegħu u sostna li ma tantx hemm għaġġla biex iħabbar id-deċiżjoni tiegħu meta għat-tmiem tal-istaġun fadal sitt ġimgħat oħra.