Friday, April 19, 2024

L-UĠIGĦ FID-DAHAR U L-POST TAX-XOGĦOL

Aqra wkoll

L-uġigħ fid-dahar huwa pjuttost komuni, iżda rarament ikun ikkaġunat minħabba mard serju. Huwa magħruf li n-nies li għandhom impjiegi fl-uffiċċini jkollom aktar tendenza li jbatu minn uġigħ kroniku fid-dahar, ġeneralment kaġun ta’ qagħda ħażina, kif ukoll minħabba li jkunu qed iżommu l-istess pożizzjoni għal perjodu ta’ ħin twil. 

Barra minn hekk, l-uġigħ fid-dahar jista’ jinħoloq ukoll minħabba ċerti ritwali ripetittivi, bħall-użu tal-forza tqila f’xogħol manwali jew għodod ta’ vibrazzjoni, kif ukoll waqt xi xogħlijiet fuq barra f’temperaturi kesħin fix-xitwa.

Fatturi ta’ riskju li jippredisponu individwi għal uġigħ kroniku fid-dahar jinkludu kundizzjonijiet preċedenti fid-dahar — bħax-xatka u s-slip disc — artrite, ksur, abbużi minn sustanzi ta’ alkoħol jew droga, obeżità jew tnaqqis fl-attività fiżika, parteċipazzjoni fi sports ta’ kuntatt, kif ukoll fatturi oħrajn psikoloġiċi, bħall-ansjetà.

Fortunatament, hemm miżuri sempliċi li l-impjegati jistgħu jimplimentaw ta’ kuljum sabiex iħarsu lejn il-postijiet tax-xogħol tagħhom b’iktar ottimiżmu u jgħinu fil-prevenzjoni ta’ wġigħ rikorrenti fid-dahar:

  • Is-siġġijiet tal-uffiċċju idealment għandu jkollhom xi tip ta’ sapport għad-dahar. Wieħed jista’ jagħżel li jpoġġi mħadda żgħira jew xugaman irrumblat fil-livell tal-qadd. L-għoli tas-siġġijiet tal-uffiċċju għandhom jiġi aġġustati sabiex is-saqajn ikunu ċatti mal-art u l-irkopptejn jibqgħu f’angolu ta’ 90 degrees minn mal-art.  Fl-aħħar nett, wieħed għandu wkoll iżomm il-moniters tal-kompjuter ftit ‘il bogħod mis-siġġijiet, peress li dan iħeġġeġ lill-impjegati biex jistiraw daharhom lura, minflok ma jxaqilbuh ‘il quddiem u jippreċipitaw tensjoni kronika tal-għonq.
  • Hija wkoll prattika komuni għall-impjegati li jpoġġu t-telefon tagħhom bejn ir-ras u l-ispalla sabiex iħallu jdejhom ħielsa waqt li jitkellmu, u b’hekk jikkawżaw tensjoni addizzjonali għal għonqhom u l-ispallejn. Idealment, wieħed għandu juża headset jew speakerphone għal kwalunkwe konverżazzjoni bit-telefon li ddum aktar minn ħames minuti.
  • Huwa wkoll importanti li wieħed jieħu pawżi qosra biex jalterna bejn il-pożizzjonijiet bilqiegħda u bilwieqfa matul il-ġurnata tax-xogħol. L-impjegati kollha għandhom jiddedikaw ftit ħin biex iċaqalqu ġisimhom, peress li jekk wieħed jibqa’ bilqiegħda għal perjodu ta’ ħin twil jista’ jdgħajjef il-muskoli tad-dahar. Barra minn hekk, it-tisħiħ tal-muskoli tad-dahar jistgħu wkoll jitjiebu permezz tal-fiżjoterapija jew permezz ta’ eżerċizzji speċifiċi, bħall-yoga, sit-ups jew Pilates. Dawn ġeneralment itejbu b’mod naturali l-qagħda ta’ dak li jkun u eventwalment inaqqsu l-uġigħ fid-dahar.

Għal aktar informazzjoni dwar is-saħħa ħolistika, żur is-sit www.facebook.com/be.heart.healthy

Sport