Tuesday, April 30, 2024

Għada l-Papa Franġisku se jiddikjara lil Titu Brandsma Qaddis

Aqra wkoll

Patri Titu Brandsma kien Karmelitan Olandiż u professur tal-filosofija. Ħadha qatta’ bla ħabel kontra l-ideoloġija Nażista u nqatel fil-kamp ta’ konċentrament ta’ Dachau fis-26 ta’ Lulju 1942. Sa ftit qabel ma nqatel kien għadu jikteb mill-ħabs.

Sitt xhur qabel, nhar id-19 ta’ Jannar 1942 filgħaxija, żewġ pulizija tal-Gestapo ħabbtu l-bieb tal-kunvent tal-Karmelitani tal-belt Olandiża ta’ Nimega. Wara li arrestaw lil Patri Titu Brandsma u ħadulu xi dokumenti minn kamartu, issiġillaw il-kamra. L-ewwel li ħadu lil dan il-patri ta’ 61 sena kien fil-ħabs ta’ Arnhem, u wara ttrasferewh għall-ħabs ta’ Scheveningen. 

Tlett ijiem wara, f’dan il-ħabs, Brandsma kiteb id-difiża tiegħu li semmieha “Għaliex il-Poplu Olandiż, speċjalment il-Kattoliċi, jirreżistu l-Moviment Nażista?” Hawnhekk se nġib xi siltiet li jiena qlibt għall-Malti.

Għaliex aħna kontra n-Nażiżmu

“L-ewwel raġuni hija minħabba l-karattru anti-nazzjonali tal-oriġini u l-iżvilupp tiegħu. Fil-Ġermanja, il-karattru nazzjonali huwa dominanti fil-moviment Nażista, u l-idea li tmexxih hija li akkost ta’ kollox isalva lill-Ġermanja minn qerda imminenti. Il-moviment żviluppa minn moviment b’saħħtu u bbażat ekonomikament biex itejjeb il-qagħda ekonomika ħażina. 

Għadda biex sar moviment politiku li beda jiġi appoġġjat minn grupp dejjem jikber ta’ nies li ħatfu l-poter u ppruvaw jibnu stat Ġermaniż ġdid wara li rnexxielhom jieħdu f’idejhom il-poteri kollha tal-Istat. Dak li beda b’mod spontanju u pragmatiku issa jiġi deskritt f’termini teoretiċi u bi stqarrijiet. B’dan il-mod, moviment ekonomiku u politiku żviluppa f’ideoloġija. Iżda għad irridu naraw kif dan se jiżviluppa. 

Brandsma kellu 61 sena meta qatluh

…hawn fl-Olanda n-Nażiżmu jġorr marka totalment differenti milli fil-Ġermanja. Bl-ebda mod ma żviluppa minn kuxjenza komuni li l-pajjiż huwa mhedded bir-rovina jew minn sitwazzjoni insapportabbli. Għall-kuntrarju, hawn jidher bħala l-moviment ta’ ftit nies li jixtiequ jippropogaw in-Nażiżmu, mhux għal raġunijiet ekonomiċi, imma għal raġunijiet ideoloġiċi u x-xewqa li jittrapjantaw il-mentalità Nażista mill-Ġermanja għall-Olanda bla ma jagħtu kas tal-ispirtu tal-poplu Olandiż u l-iżvilupp għal kollox differenti tal-istituzzjonijiet fl-Olanda.” 

Mhux għal-Ġid tal-Poplu

“In-nies għarfet li kien hemm ħafna affarijiet tajbin u azzjonijiet tajbin fin-Nażiżmu Ġermaniż. Hemm proverbju antik li jgħid: Germania docet (il-Ġermanja tgħallem) u l-Olanda tgħallmet u ħadet ħafna mill-Ġermanja, l-aktar fejn jidħlu kwistjonijiet soċjali. Iżda dan dejjem ġara bi ħsieb, milquta mill-affarijiet tajba fil-politika, mhux b’mod indiskutibbli bla ma jsiru d-distinzjonijiet meħtieġa jew billi tingħata l-ġenb l-istorja Olandiża u l-iżvilupp tagħha.

Il-Moviment Nażista jagħti l-impressjoni li prinċipalment ried iwettaq idea u ma tax wisq kas tal-benesseri veru tal-poplu. Kontra dan, ir-realiżmu tal-poplu Olandiż joffri reżistenza. L-opinjoni komuni kienet li rigward affarijiet soċjo-ekonomiċi, il-Moviment Nażista fittex iktar li jwettaq idea milli jġib titjib reali tal-qagħda tas-soċjetà. Għalhekk, kien f’rotta ta’ kolliżjoni mar-realiżmu tal-poplu Olandiż u l-impatt ideoloġiku tiegħu kien iktar u iktar f’rotta ta’ kolliżjoni mas-sentiment reliġjuż tal-poplu Olandiż.”

In-Nażisti kontra r-Reliġjon

“Il-Moviment Nażista injora għal kollox il-karattru Nisrani tal-poplu u hekk kien meqjus iktar u iktar bħala xi ħaġa anti-nazzjonali, l-aktar mill-partijiet Protestanti u Kattoliċi tan-nazzjon li flimkien jiffurmaw il-maġġoranza tal-poplu u li jgħożżu kuxjenza reliġjuża b’saħħitha ħafna.

In-Nażiżmu fil-Ġermanja kien intenzjonat li jġib is-salvazzjoni tal-patrija imma persuni reliġjużi fl-Olanda nnutaw ċerti konsegwenzi mhux intenzjonati. Il-Moviment Nażista mill-ewwel ħa pożizzjoni anti-reliġjuża ħafna, tal-inqas anti-Kristjana u anti-Kattolika, minkejja li f’ċerti okkażjonijiet intqal xi kliem sabiħ. Jidher li ħasbu li l-ewwel kellhom joħonqu l-influwenza ekkleżjali fis-soċjetà u l-istqarrija tal-prinċipji Kristjani u Kattoliċi fil-ħajja soċjali qabel ma setgħu jtejbu jew jirriformaw il-kundizzjonijiet.

Iktar minn nofs il-poplu riedu jistqarru dawn il-prinċipju u jifirxuhom u jipprattikawhom kemm jistgħu fl-edukazzjoni, fil-kultura u wkoll fl-organizzazzjoni tax-xogħol. Kienu l-Kattoliċi fuq kollox li b’mod mill-iktar qawwi u konxjenzożament imxew lejn stat korporattiv.”

Il-Glorja tal-Martri 

“Sezzjonijiet kbar tal-poplu Olandiż għamlu bosta sagrifiċċji għall-fidi tagħhom sforz l-istima u l-imħabba tagħhom lejn Alla u wkoll il-fiduċja tagħhom f’Alla. L-istima tagħhom ta’ Alla ġġegħelhom iqisu dan bħala dmir; l-imħabba tagħhom lejn Alla tagħtihom l-ispirtu u r-rieda li jagħmlu sagrifiċċji; il-fiduċja tagħhom f’Alla tagħmilhom qawwija biex jipperseveraw minkejja kollox.

Il-Protestanti u l-Kattoliċi jammiraw qatigħ bosta martri mill-istorja tagħhom li jieħdu bħala eżempju għalihom infushom biex ikunu lesti huma wkoll jagħtu ħajjithom għall-istqarrija tal-fidi meta dan ikun meħtieġ għax il-fidi tagħhom tkun oppressa. Il-Kattoliċi b’mod speċjali għandhom tradizzjoni qawwija f’dan ir-rigward. Din hija l-glorja tagħhom u l-fama tagħhom. Matul is-sekli, persuni bla għadd ħallew bil-qalb il-pożizzjoni tagħhom u l-ġid li kellhom, ħallew familthom u anke ħajjithom. Dan għadu jiġri wkoll fi żmienna meta l-maġġoranza tal-poplu Olandiż għadha tgħix ir-reliġjon mhux b’inqas kuxjenza.

In-nies iħossu li meta tinħonoq l-influwenza reliġjuża u ekkleżjastika dan mhuwiex biss insult lil Alla fir-relazzjoni tiegħu mal-ħlejjaq, iżda wkoll tradiment tat-tradizzjoni glorjuża tal-poplu Olandiż.

Mexxejja inkompetenti

“…il-poplu Olandiż, u b’mod speċjali l-Kattoliċi, joffru reżistenza lill-Moviment Nażista għax dan iktar ma jmur iktar qed jużurpa pożizzjonijiet ta’ influwenza soċjali u politika kif ukoll l-inkapaċità grassa ta’ ħafna minn dawk li jmexxu dan il-moviment… ħafna nies jokkupaw pożizzjonijiet li ma jgħoddux għalihom. Dan ma jsirx aċċettabbli għal persuna Olandiża minn persuni b’apparenzi arroganti mingħajr għarfien suffiċjenti tal-fatti.

L-Olandiżi jidħku u jiddieħku b’dawn in-nies li jiftaħru bihom infushom. Wieħed ikun jixtieq jirrispetta lill-awtoritajiet, imma r-rispett jiġi mminat qatigħ mill-inkapaċità tal-awtoritajiet.

Il-poplu Olandiż iħares ukoll lejn din is-sitwazzjoni b’rabja, imma l-aktar bi preokkupazzjoni, għax jaraw li qegħdin jilagħbu mal-interessi tal-poplu. Ma jifhmux kif il-poplu Ġermaniż, tant intelliġenti, tant famuż kemm hu tajjeb biex jorganizza l-affarijiet, għandu stima daqstant għolja ta’ dawn in-nies.”

Ġlieda għall-Paċi u l-Ħelsien

“Il-qagħda saret waħda kerha għall-partit Nażista Olandiż, li fittex u sab appoġġ mill-forzi Ġermaniżi li qegħdin jokkupaw il-pajjiż, biex iwettaq l-ideat tiegħu. Prinċipalment hemm raġuni psikoloġika wara din ir-reżistenza, li tista’ tkun illustrata l-aħjar minn dak li jiġri meta tfal żgħar ma jaqblux bejniethom. Ħafna drabi wieħed jhedded li jġib lil ‘ħuh il-kbir’ fis-sitwazzjoni. Ħuh il-kbir irid jiddeċiedi jiġġilidx fil-każ li ħuh iż-żgħir mhux kapaċi jirbaħ waħdu.

Il-maġġoranza tal-poplu Olandiż tirrispetta b’fedeltà u b’lealtà l-poter tal-Ġermaniżi li jokkupaw il-pajjiż. Ovvjament, fi żminijiet bħal dawn dejjem se jkun hemm xi elementi ta’ ribelljoni jew insurrezzjoni, imma dawn huma eċċezzjonijiet fost l-Olandiżi.

Niesna jixtiequ jgħixu ħajjithom fil-kwiet u l-paċi, jirrispettaw l-awtoritajiet u l-liġi, imma l-poplu Olandiż ikun qed jittraskura t-tradizzjoni u l-istorja tiegħu nnifsu jekk ma jqisx l-okkupazzjoni bħala theddida għan-nazzjonalità tiegħu. L-istorja nazzjonali Olandiża fil-qosor hija qabelxejn il-ġlieda tal-poplu Olandiż biex ikun ħieles.

L-imħabba tal-poplu tagħna għall-paċi hija kbira, kbira ħafna. Hija sempliċi fir-raġunar tagħha u fil-ħsieb; tippersevera u tafda, tistenna bil-paċenzja għaż-żmien meta terġa’ tkun għal darb’oħra ħielsa, imma tixxennaq għal dak il-ħelsien. Fl-opinjoni tiegħi, dawn il-ħsus mhumiex f’kuntrast mar-rispett u l-ubbidjenza lejn il-forzi li qegħdin jokkupaw il-pajjiż skont il-liġi internazzjonali. Iżda jqis is-sejħa lil dawn il-forzi biex iwettqu ideat b’implikazzjonijiet anti-nazzjonali għax wieħed mhux kapaċi jwettaqhom bis-saħħa tiegħu, bħala kontra d-dinjità nazzjonali li hija rikonoxxuta mill-forzi li qegħdin jokkupaw, kif joħroġ ċar mill-istqarrijiet tagħhom.

Il-poplu Olandiż jifhem li l-Ġermaniżi jridu jmexxu skont il-mudell Ġermaniż. Jekk dan ma jesaġerawhx iżżejjed, niesna jaċċettawh. Iżda meta rġiel u nisa Olandiżi jmorru f’dik id-direzzjoni, niesna mhux faċilment jittolleraw dan. Meta żewġ persuni jagħmlu l-istess ħaġa mhux dejjem tkun l-istess.”

Is-Sovranità tal-Pajjiż

“L-Olanda għadha l-Olanda. Pajjiżna għadu bl-istess fruntieri antiki u jittama u jafda li jżommhom. Jixtieq li jerġa’ jkun ħieles għal kollox u jgħix f’paċi sostenibbli mal-poplu Ġermaniż. Mhux li daqstant tibża’ li l-Ġermanja ma tixtieqx tirrispetta dan il-ħelsien, imma’ tibża’ li xi wħud miċ-ċittadini tagħha stess jixtiequ jneħħu l-fruntieri bejn iż-żewġ pajjiżi. 

…L-Olanda tapprezza ħafna l-fruntieri tagħha. Minħabba r-realiżmu tal-poplu Olandiż, l-Olandiżi jaċċettaw u jadottaw iktar mill-poplu Ġermaniż meta jkunu ħielsa u awtonomi, fi fruntieri definiti ta’ indipendenza, milli qatt jistgħu jaċċettaw taħt l-oppressjoni jew il-biża’ jew b’xi restrizzjoni sinjifikanti tal-ħelsien tagħhom.

Jaċċettaw iktar mill-Ġermanja u jżommu iktar, iktar ma jgawdu libertà rigward l-organizzazzjoni tal-ħajja soċjali u politika tagħhom. Ta’ dan l-istorja hija l-aqwa prova. Dan huwa l-istat li nara fih l-Olanda. Pruvajt ikun oġġettiv kemm nista’, kif ġejt mitlub. Alla jbierek l-Olanda. Alla jbierek il-Ġermanja.

Agħmel O Alla, li ż-żewġ popli jkunu jistgħu joqogħdu maġenb xulxin f’paċi u ħelsien sħiħ waqt li jagħrfuk u junurawk għall-benessri u l-prosperità ta’ popli hekk relatati flimkien.”

Ġurnalist fi żmien ta’ Gwerra

Nagħlaq b’riflessjoni li bagħatli l-ħabib tiegħi Karmelitan, Patro Charlo Camilleri:

“Titu Brandsma huwa l-ewwel ġurnalist professjonist u l-ewwel rettur universitarju li se jkun kanonizzat. Interessanti wkoll l-iżvilupp tal-Kawża tal-Beatifikazzjoni u Kanonizzazzjoni tiegħu għax hija l-ewwel waħda li nfetħet fuq il-martirju ta’ vittma tan-Nażiżmu u mhux fuq ħajja ta’ virtujiet erojċi. B’hekk il-kawża ħadet iż-żmien, iżda mbagħad serviet ukoll ta’ mudell għal kawżi oħra ta’ qaddisin vittmi tan-Nażiżmu, illum meqjusin martri.”

“Il-kanonizzazzjoni tiegħu hi providenzjali f’dan iż-żmien ta’ theddid għall-libertà tal-istampa ġurnalistika, li qed tħalli ġurnalisti vittmi u l-isfida li s-sewwa jirbaħ fuq il-gideb u l-falsità, kif ukoll fi żmien ta’ theddid ta’ gwerra oħra dinjija b’atroċitajiet kontra l-bniedem fuq livell dinji. Aspett sabiħ ta’ Titu Brandsma li mhux magħruf huwa fejn tidħol is-sensibbiltà ekoloġika, li kien promotur bikri tagħha.”

Sport