Friday, May 15, 2026

Snooker: Aaron Busuttil champion għat-tielet darba

Aqra wkoll

Aaron Busuttil b’wirja eċċellenti fit-tieni jum tal-finali tal-Kampjonat Premier lokali tas-Snooker reġa’ ġie nkurunat champion tas-Snooker lokali li wara li għeleb lil Brian Cini li kien rebaħ l-edizzjoni preċedenti kontra Busuttil stess. Din kienet it-tielet darba’ li Aaron Busuttil sar iċ-champion lokali tas-Snooker u kienet ukoll is-sitt finali bejn dawn it-tnejn li mingħajr l-ebda dubju huma l-aqwa iż-żewġ plejers f’dan l-isport f’dawn l-aħħar snin.

Din is-sena l-Malta Billiards and Snooker Association introduċiet format fejn din finali tintrebaħ l-aħjar minn 19-il frame li jintlagħbu fuq jumejn. Fl-ewwel jum isiru l-ewwel disa’ frames u l-kumplament għal massimu ta’ għaxar frames skond il-ħtieġa jintlagħbu l-għada.

Fil-fatt wara l-ewwel jum ta’ logħob li sar l-Erbgħa, kien Cini li kellu ta’ vantaġġ ta’ frame wieħed biss u temm l-ewwel sessjoni, 5-4. F’din is-sessjoni Busuttil beda b’żewġ frames vantaġġ iżda Cini rebaħ erba’ frames konsekuttivi qabel Busuttil reġa’ ġab il-konfront għal parità. Cini għalaq l-ewwel jum billi rebaħ id-disa’ frame.   

Il-Ħamis, waqt it-tieni jum Busuttil kien f’vena formidabbli u ma ta l-ebda ċans li Cini li jidħol fil-logħba tant li rebaħ l-ewwel ħames tat-tieni sessjoni għal punteġġ parzjali ta’ 9-5. F’erba’ minn ħames frames li rebaħ wettaq breaks ta’ 76 punt, darbtejn nifila, 87 punt u fl-14-il frames saħansitra wettaq l-aqwa break tal-istaġun s’issa b’punteġġ ta’ 129 punt.

Minkejja li Cini rebaħ l-frame suċċessiv, Busuttil għalaq il-konfront fis-16-il frames għal skor finali ta’ 10-6. Il-punteġġi tas-sittax il-frame li ntlagħbu waqt din il-finali kienu dawn, fl-ewwel jum, 80-36, 81-0, 45-72, 53-83, 1-66, 16-71, 81-36, 71-59 u 52-73, u fit-tieni jum, 82-38, 76-1, 87-19, 75-42, 130-7, 15-70 u 66-5.

Wara l-finali s-Sur Marlon Brincat, il-Managing Director, tal-isponsors tal-Kampjonat tas-Snooker tal-Premier, CE Installations Limited, flimkien mal-President tal-Malta Billiards & Snooker Association, Ivan Brincat, ippreżentaw it-trofew lil Aaron Busuttil li issa reġa’ naqqax ismu fuq it-tazza prestiġjuża ta’ dan l-isport wara li kien rebaħ dan is-suċċess fl-istaġuni, 2022/23 u 2023/24.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport