Friday, May 15, 2026

IL-BOV JIKSEB APPROVAZZJONI REGOLATORJA BIEX JAĠĠORNA U JKABBAR IL-PROGRAMM EMTN GĦAL €650M

Il-Bank jippjana t-tieni tranżazzjoni tiegħu fuq is-swieq internazzjonali wara d-debutt b’suċċess fl-2022

Aqra wkoll

Il-Bank of Valletta ġedded u kabbar il-Programm tiegħu ta’ Euro Medium Term Note (EMTN) ta’ €500 miljun, li kien ġie stabbilit oriġinarjament fl-2022. Dan wara li l-Bank irċieva l-approvazzjoni regolatorja mill-Bank Ċentrali tal-Irlanda fir-rigward tal-prospett bażiku datat 15 ta’ Mejju 2026. Il-programm aġġornat jagħti lill-Bank il-possibbiltà li joħroġ ‘notes’ ġodda sa massimu ta’ €650 miljun, filwaqt li jkompli jipprovdi l-flessibbiltà meħtieġa biex jaċċessa b’mod effiċjenti s-swieq internazzjonali tal-kapital.

Skont l-istrateġija ta’ finanzjament tiegħu, il-Bank bħalissa qed jikkunsidra l-ħruġ ta’ sa €300 miljun f’Senior Preferred Notes taħt il-programm (“in-Notes”), li se jiġu offruti kemm fuq is-swieq tal-kapital internazzjonali, kif ukoll dawk domestiċi. Dan il-pass jirrappreżenta t-tieni tranżazzjoni tal-Bank, wara l-ħruġ inizjali fl-2022, li kien suċċess. Dan il-ħruġ jifforma parti mill-istrateġija ta’ finanzjament fit-tul tal-Bank, bil-għan li jappoġġja t-tkabbir tal-karta tal-bilanċ u inizjattivi ta’ żvilupp strateġiku.

Dwar l-approvazzjoni regolatorja miksuba, Dr Gordon Cordina, Chairperson tal-BOV, qal, “Dan il-pass jimmarka tragward importanti ieħor fl-aċċess tal-Bank għas-swieq tal-kapital internazzjonali. L-għan huwa li nsaħħu u niddiversifikaw l-bażi ta’ finanzjament tagħna, filwaqt li dan jappoġġja t-titjib kontinwu tal-istruttura tal-obbligazzjonijiet tal-Bank, f’konformità mal-aspettattivi regolatorji li dejjem jevolvu.  

Kenneth Farrugia, Kap Eżekuttiv tal-BOV, żied jgħid, “Fil-ġimgħat li għaddew, organizzajna sensiela ta’ non-deal roadshows f’diversi swieq internazzjonali ewlenin, bil-għan li nippreżentaw l-istrateġija tal-Bank u nitkellmu direttament ma’ investituri internazzjonali. Il-livell qawwi ta’ interess osservat matul dawn il-laqgħat jenfasizza l-fiduċja kontinwa fid-direzzjoni strateġika tal-Bank, fil-prestazzjoni finanzjarja tiegħu u fis-saħħa tal-karta tal-bilanċ. Din it-tranżazzjoni mistennija tkompli ssaħħaħ it-tkabbir fl-attività ta’ self u l-ħtiġijiet ġenerali ta’ finanzjament tal-Bank, filwaqt li tirrappreżenta pass ieħor fit-twessigħ tal-bażi tal-investituri tagħna, lil hinn mis-suq domestiku.”

Fid-dawl tal-istruttura tagħhom u d-denominazzjoni minima applikabbli, in-‘Notes’ huma maħsuba esklussivament għal klijenti professjonali u kontropartijiet eliġibbli. Id-denominazzjoni minima ta’ kull ‘Note’ se tkun ta’ €100,000 (jew l-ekwivalenti tagħha). In-‘Notes’ mhux se jiġu offruti jew mibjugħa lil investituri retail fiż-Żona Ekonomika Ewropea jew fir-Renju Unit.

Huwa mistenni li n-‘Notes’ jiġu ammessi fuq il-Lista Uffiċjali u għan-negozjar fis-suq regolat tal-Irish Stock Exchange, li topera taħt l-isem ta’ Euronext Dublin.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport