Il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi ħabbar il-ftuħ ta’ parkeġġ pubbliku ġdid bla ħlas, fiż-żona tal-kunċerti ġewwa Ta’ Qali, b’investiment ta’ €13-il miljun. Dan hekk kif matul l-aħħar xhur, il-Malta National Park Unit, flimkien mad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, bdew jiffinalizzaw ix-xogħol fuq l-akbar parkeġġ f’Ta’ Qali u li jifforma parti mill-masterplan ta’ dan l-akbar spazju miftuħ għall-familji Maltin u Għawdxin.
Il-parkeġġ, li jinsab biswit il-mużew tal-avjazzjoni, għandu spazju għal 450 karozza fuq żewġ livelli, li jinkludu wkoll parkeġġi għal persuni b’diżabilità. Apparti minn hekk, dan il-parkeġġ huwa modern, mgħammar bl-aqwa sistemi ta’ dawl, ventilazzjoni, liftijiet moderni, turġien kif ukoll sistema ta’ smart parking.
Mill-aspett ta’ sigurtà, dan il-parkeġġ se jkun jinkludi fire lobbies b’fire doors ċertifikati li jinżlu għal livelli kollha tal-istess parkeġġ, sistemi ta’ fire detection u anke fire fighting.
Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett qal li dan il-proġett imur lil hinn minn sempliċiment parkeġġ għaliex jifforma mill-pjan usa’ għat-trasport, Malta in Motion. Hu spjega kif “dan il-Parkeġġ ser ikun qed jiġi replikat bi proġetti simili f’irħula oħra li mbagħad ikun konnessi ma’ postijiet oħra permezz ta’ servizz ta’ Park & Ride, bħalma huwa l-każ f’Ta’ Qali li joffri rotot diretti lejn l-Università u Mater Dei, il-Mosta u r-Rabat.”
Is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia qal li dan il-Gvern kellu viżjoni għal Ta’ Qali u fakkar kif din iż-żona fejn illum hemm il-parkeġġ u ż-żona tal-kunċerti, kienet fabbrika illegali tal-konkrit. Huwa qal li dan il-parkeġġ bla ħlas ser ikompli jtejjeb l-esperjenza tal-familji u dawk kollha li jżuru dan il-park nazzjonali.
Il-Kap tal-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali Jason Micallef qal li “Il-bini ta’ dan il-parkeġġ pubbliku fuq żewġ livelli, b’parkeġġ ta’ 450 karozza, hu ħolqa oħra minn pjan u viżjoni ħolistika fl-akbar riġenerazzjoni li qatt seħħet f’Ta’ Qali”.

