Waqt il-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista, ġie approvat b’mod unanimu l-manifest elettorali “Int Malta. Il-Ħolma Tiegħek, il-Proġett Tagħna.” Maqsum fuq 24 kapitlu, bil-proposti speċifiċi għal kull wieħed, il-manifest tal-PL iwiegħed li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja għall-Maltin u l-Għawdxin kollha b’25%.
F’diskors li għamel fl-għeluq tal-Konferenza Ġenerali tal-PL, il-Prim Ministru Robert Abela tenna li “dan il-manifest huwa xogħolkom. Frott l-ideat tagħkom. Il-konsultazzjoni magħkom. Il-moħħ miftuħ ta’ moviment li jisma’ lil kulħadd. Jixtarr u jiżen kull suġġeriment. Suġġerimenti minn fost poplu mimli talent, ambizzjoni u determinazzjoni li jara lil pajjiżu dejjem aqwa.”
Dr Abela nnota kif dan il-manifest huwa maħsub biex ikun il-pjan ta’ implimentazzjoni lejn il-viżjoni ta’ Malta għall-25 sena li jmiss. Flimkien ma’ dan, viżjoni ’l quddiem għas-settur tas-saħħa, għat-trasport, għas-sigurtà, għall-ambjent, għall-enerġija, għall-isport u l-benesseri tan-nies.
“Nafu fejn irridu nieħdu lil dan il-pajjiż. Nafu l-isfidi li għandna. Nafu wkoll li wasal iż-żmien li nagħmlu qabża oħra ’l fuq fil-kwalità. Għalhekk iffukati ħafna fuq l-għanijiet kollha ta’ dan il-pajjiż. Programm ta’ Gvern b’miri speċifiċi, nafu kemm jiswew u kif se jaffettwaw l-ekonomija tagħna,” qal il-Prim Ministru.
Huwa semma wkoll kif għall-ewwel darba fl-istorja politika se jkollna kejl ġdid, dak ta’ kif se taffettwak l-implimentazzjoni ta’ kull miżura biex ħajtek tkun aħjar. Enfasizza li “bnejna l-programm tagħna madwar il-ħtiġijiet, l-aspirazzjonijiet u r-realtajiet ta’ kull wieħed u waħda minnkom.”
Il-Prim Ministru qal ukoll li dak li jiddistingwih lil dan il-moviment huma tliet fatturi ewlenin: il-kredibiltà, il-kompetenza u r-responsabbiltà. “Se nibqgħu miegħek f’kull pass tal-ħajja, f’kull fażi tal-ħajja,” tenna Dr Abela.

