Wednesday, November 27, 2024

Kylian Mbappe u Robert Lewandowski kontra t-Tazza tad-Dinja biennali

Aqra wkoll

L-attakkant ta’ Paris St-Germain, Kylian Mbappe, u l-attakkant ta’ Bayern Munich, Robert Lewandowski, qalu li mhu­miex ħerqana fuq il-pjan tal-FIFA li torga­nizza t-Tazza tad-Dinja kull sentejn fost it-tħassib li qed jikber dwar il-benesseri tal-players.

Il-President tal-FIFA, Gianni Infantino, qal f’“summit globali” tal-mexxejja tal-fe­derazzjonijiet nazzjonali tal-football aktar kmieni dan ix-xahar li jemmen li għandu biżżejjed voti biex iżid il-frekwenza tat-Tazza tad-Dinja minn kull erba’ snin għal kull sentejn.

Kien hemm oppożizzjoni minn clubs Ewropej, l-ogħla kampjonati u l-korp go­vernattiv Ewropew, il-UEFA, li l-president tagħha, Aleksander Ceferin, hedded li jibbojkottja kwalunkwe tournament addiz­zjonali.

Waqt li tkellmu fil-Globe Soccer Awards nhar it-Tnejn, Mbappe u Lewandowski tefgħu dubji dwar l-idea, u qalu li ż-żieda ta’ aktar logħbiet fil-kalendarju globali tal- football tkun ta’ ħsara għall-benesseri tal- players.

“Jien m’iniex partitarju. Diġà għandna tant logħob x’nilagħbu kull sena, tant ġimgħat diffiċli, mhux biss logħbiet għax għandna ħafna ġimgħat ta’ preparazzjoni kemm għall-istaġun jew għal tournaments kbar,” qal Lewandowski.

“Jekk irridu noffru xi ħaġa ftit differenti, li tkisser ir-rutina, hemm bżonn ukoll li nieħdu l-waqfiet biex nistrieħu.

“Jekk ikollna Tazza tad-Dinja kull sen­tejn jonqos il-perjodu fejn il-players ikunu jistgħu jilagħbu f’livell għoli.

“Huwa impossibbli fiżikament u psi­koloġikament. Jekk trid iddum fil-football, għandek bżonn perjodi ta’ mistrieħ.”

Mbappe qal li l-benesseri tal-players irid jiġi kkunsidrat meta mistoqsi dwar il-pjanijiet biennali tal-FIFA għat-Tazza tad-Dinja.

Mbappe appoġġja l-kummenti ta’ Lewandowski, u żied li jekk tilgħab it-tournament b’mod aktar regolari se jbiddel l-impatt tiegħu.

“Tazza tad-Dinja, kull sentejn? Ma nistax ngħid jekk hux tajjeb jew ħażin. Hija xi ħaġa unika li tiġri kull erba’ snin. Li tilgħabha kull sentejn issir kompetizzjoni normali,” huwa qal.

“Naqbel ma’ Robert, diġá nilagħbu 60 logħba fis-sena u diġà hemm ħafna kompetizzjonijiet. Aħna kuntenti li nilagħbu, iżda meta jkun wisq, ikun wisq. Jekk trid ikollok kwalità, trid tħalli lill-players jistrieħu.

“Irridu naħsbu dwar il-kwalità u nirrispettaw is-saħħa tal-players.”

Il-kummenti jaslu fost tħassib dejjem jikber dwar il-benesseri tal-players, li wassal biex il-manager ta’ Manchester City, Pep Guardiola, iwissi lill-korpi governattivi tal-football li jista’ jkun hemm bżonn ta’ attakk mill-players biex jisforzaw azzjoni dwar il-kwistjoni.

Mbappe rebaħ l-Aħjar Player tas-Sena tal-irġiel fil-Globe Soccer Awards f’Dubai, l-Emirati Għarab Magħquda, filwaqt li Lewandowski ngħata l-Premju Maradona għall-aqwa skorer. L-internazzjonali tal- Po­lonja ġie wkoll magħżul il-Player tas-Sena tal-Partitarji ta’ TikTok.

Sport