Saturday, December 21, 2024

L-10 żieda konsekuttiva fil-pensjonijiet

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fil-Budget għas-sena d-dieħla, se tkun qed tingħata l-għaxar żieda konsekuttiva fil-pensjonijiet biex b’hekk Gvern Laburista kompla jwieżen lill-anzjani. Fuq medda t’għaxar snin, iż-żidiet konsekuttivi fil-pensjonijiet jammontaw għas-somma totali ta’ mill-anqas €3,583, kważi €70 fil-ġimgħa.

Stqarr dan il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon meta dalgħodu kien qed jindirizza taħdita edukattiva organizzata mill-Għaqda Pensjonanti fi ħdan il-General Workers’ Union sabiex l-anzjani u l-pensjonanti jkunu infurmati aktar dwar dak li ngħatalhom fil-budget.

Il-Ministru Falzon beda biex spjega li mis-sena d-dieħla aktar minn 100,000 pensjonant ser jirċievu żieda oħra ta’ €8 fil-ġimgħa jew €416 fis-sena, li tinkludi ż-żieda għall-għoli tal-ħajja.

Żied jgħid li matul is-sena d-dieħla ser ikompli jonqos id-distakk fid-Dħul Pensjonabbli Massimu bejn persuni li twieldu qabel l-1962 u oħrajn li twieldu wara, liema distakk inħoloq b’riżultat tar-riforma li saret fl-2006.
Dan ser isir billi dawk li twieldu qabel l-1962 u li kieku għadhom jaħdmu s-salarju tagħhom jaqbeż id-Dħul Pensjonabbli Massimu ta’ €23,500, ser ikollhom aġġustament ieħor fil-pensjoni tagħhom. Minn din il-miżura mistennija li jibbenefikaw madwar 26,000 pensjonant.

Il-Ministru Falzon spjega wkoll li se jkun hemm aktar titjib fil-pensjoni tar-romol. Dawn se jgawdu minn żieda addizzjonali fil-pensjoni tagħhom permezz tal-proċess li issa se jidħol fir-raba’ sena tiegħu. Dan il-proċess ser iwassal biex sal-2027, il-pensjonanti romol kollha jkunu qed jirċievu l-pensjoni sħiħa li kienu jirċievu l-konjuġi tagħhom, kieku baqgħu ħajjin. Iż-żieda addizzjonali se tlaħħaq medja ta’ madwar €3 fil-ġimgħa, addizzjonali għaż-żieda ġenerali ta’ €8 fil-ġimgħa.

Il-Ministru Falzon semma wkoll li li dawk il-persuni mwielda fl-1976, l-età ta’ rtirar se tibqa’ dik ta’ 65 sena. Sal-lum kellhom bżonn 41 sena bolla biex jieħdu pensjoni sħiħa fl-età ta’ 65 sena. Bil-bidla li seħħet issa se jkollhom bżonn 42 sena kontribuzzjonijiet biex jieħdu pensjoni sħiħa fl-età ta’ 65 sena.

Dan ifisser li jekk ikunu bdew jaħdmu minn tal-anqas ta’ 23 sena se jkollhom biżżejjed bolol biex jieħdu pensjoni sħiħa fl-età ta’ 65 sena. Ġie enfasizzat li l-età tal-irtirar u r-rata tal-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali mhux se jiżdiedu, grazzi għat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tax-xogħol li dan qed iġib.

Barra minn hekk, il-Gvern daħħal diversi krediti għall-bolol, bħal jekk wieħed jagħmel kors ta’ edukazzjoni terzjarja ta’ erba’ snin fi grad ta’ baċċellarat (degree), dan jiswa daqs sentejn bolol. Jekk persuna tieqaf taħdem biex tieħu ħsieb it-tfal tibbenefika wkoll minn krediti tal-bolol, anke jekk persuna tkun qiegħda jew waqfet mix-xogħol minħabba raġunijiet ta’ saħħa.

Intant madwar 3,250 pensjonant tas-servizz ser jiżdiedu b’€200 oħra u jilħqu s-somma ta’ €3,666. L-aġġustament japplika skont ir-regoli ġenerali tal-pensjoni tas-sigurtà soċjali għal kull min għandu pensjoni tas-servizz.

Dan filwaqt li persuni li ma kellhomx bolol biżżejjed biex jikkwalifikaw għal pensjoni jirċievu bonus skont kemm kienu laħqu ħallsu bolol. Dan il-bonus beda jingħata fl-2015 u żdied bosta drabi sakemm din is-sena laħaq €500 għal min ħallas sa erba’ snin bolol u €600 għal min ħallas minn ħames sa disa’ snin bolol. Is-sena d-dieħla, persuni li ħallsu sa sena bolol ser jingħataw bonus ta’ €550, filwaqt li persuni li ħallsu sa 9 snin bolol ser jingħataw bonus ta’ €1,000.

Wara li temm l-intervent tiegħu, il-Ministru Falzon wieġeb għal diversi mistoqsijiet, l-aktar dwar iż-żidiet imħabbra fil-pensjonijiet.

Ekonomija

Sport