Sunday, November 24, 2024

L-2022 … it-tieni l-iktar sena xotta fl-aħħar 10 snin

Aqra wkoll

Il-jiem tal-2022 kienu mdawlin sew, bin-norma klimatika ta’ 2,997 siegħa xemxin tinqabeż b’126 siegħa s-sena li għaddiet. Filwaqt li x-xemx ma naqsitx, ix-xita li niżlet ma kinitx abbundanti, hekk kif is-sena kienet it-tieni l-aktar xotta f’dawn l-aħħar 10 snin, bi 368 mm xita mkejlin.

Il-bidu tax-xitwa meteoroloġika ma għenx sabiex it-total ta’ xita mkejla fl-ewwel 11-il xahar tas-sena joqrob lejn in-norma annwali ta’ 543 mm. F’Diċembru, fil-fatt, tkejlu biss 6.4 mm xita, li minnhom millimetru niżel f’forma ta’ nida. Għaldaqstant ix-xahar tniżżel fir-rekords tal-Uffiċċju Meteoroloġiku bħala l-aktar Diċembru xott mill-1922, kif ukoll it-tmien Diċembru konsekuttiv li pproduċa inqas xita mill-medja.

Ħafna mill-għodwiet ta’ Diċembru, partikolarment fit-tieni nofs tax-xahar, kienu kkaratterizzati miċ-ċpar u n-nida. Dawn il-fenomeni rriżultaw minn għadd ta’ fatturi inkluż sema bla sħab, riħ ħafif u varjabbli, u evporazzjoni minn uċuħ li kienu għadhom mifqugħin bl-ilma wara x-xita ta’ Novembru, li kienet ekwivalenti għal 41% tax-xita kollha tas-sena. Novembru mhux biss kien l-aktar xahar imxarrab tas-sena, iżda kien ukoll l-aktar wieħed tempestuż, b’sitt maltempati bir-ragħad mis-17-il maltempata tas-sena jolqtu lill-gżejjer Maltin matul dan ix-xahar.

Barra minn Novembru, Mejju, Lulju u Settembru wkoll kienu aktar imxarrbin mill-medja, filwaqt li x-xhur l-oħra tas-sena pproduċew anqas xita min-norma klimatika. Frar, li pproduċa biss 4.0 mm xita minflok id-69.0 mm mistennijin f’dan iż-żmien tas-sena, kien wieħed mill-aktar xotti li qatt esperjenzjaw il-gżejjer Maltin skont ir-rekords tal-Uffiċċju Meteoroloġiku.

Ħarsa lejn it-temperaturi li ġew irreġistrati matul is-sena turi li l-ewwel erba’ xhur tal-2022 kienu aktar kesħin mill-medja, b’Jannar, Frar u Marzu kollha jkollhom jum wieħed li fih niżel is-silġ. Jannar kien l-aktar Jannar kiesaħ li esperjenzaw il-gżejjer Maltin mill-2019, u miegħu ġab l-aktar temperatura baxxa tal-2022 ta’ 4.2°C. Barra minn hekk, it-temperatura tal-arja medja ta’ Marzu ta’ 12.4°C kienet l-aktar waħda kiesħa għal dan ix-xahar mill-1987.

Dawn it-temperaturi aktar baxxi mill-medja ppersistew ukoll f’April, iżda f’Mejju l-folja nqalbet hekk kif ix-xahar kellu temperatura tal-arja medja li qabżet in-norma b’0.5°C u temperatura massima ta’ 31.2°C. It-temperatura kompliet togħla f’Ġunju, sakemm laħqet it-38.0°C, hekk kif l-unika mewġa tas-saħna tas-sena laqtet lill-gżejjer Maltin. Iżda din ma kinitx l-ogħla temperatura tas-sena, minħabba li f’Awwissu ntlaħqet temperatura massima ta’ 39.2°C.

Filwaqt li s-sena 2022 ngħatat bidu b’temperaturi kesħin, ġiet fi tmiemha b’Diċembru xemxi u aktar sħun mill-medja, b’riżultat ta’ sistema persistenti ta’ pressjoni għolja. It-temperatura tal-arja medja ta’ Diċembru kienet 1.7°C ogħla min-norma klimatika ta’ 14.5°C, filwaqt li s-sigħat xemxin li tkejlu matul ix-xahar ammontaw għal 197 minflok in-norma ta’ 166 siegħa.

Sport