Is-sena 2023 ġiet ikkonfermata bħala l-aktar waħda sħuna. Dan hekk kif matul din is-sena ġew irreġistrati temperaturi għoljin li kienu xprunati b’mod partikolari minħabba t-tibdil fil-klima
Dan kollu ġie ikkonfermat mis-servizzi tal-klima tal-Unjoni Ewropea, li qalu li t-temperatura fl-2023 kienet ta’ 1.48 Celsius iktar għolja mill-medja tas-sħana.
Huma qalu wkoll li l-iktar rekord fit-temperaturi inkiseb fix-xahar ta’ Lulju, fejn kważi kull ġurnata matul dan ix-xahar kellha temperaturi estremi ta’ sħana. Minbarra t-temperaturi, kien hemm ukoll dawk tal-baħar, li huwa mifhum li baqgħu aktar sħan mis-snin preċedenti.
Il-midja internazzjonali irrappurtat li din ix-xejra fit-temperaturi turi li d-dinja qiegħda tfalli u mhux qed tlaħħaq mal-effetti tat-tisħin globali. Ġie innutat ukoll, kif minkejja li bosta esperti kienu saħqu li l-klima tad-dinja qed tikkumplika ruħha, ħadd minnhom ma rnexxielu jbassar li s-sena 2023 se tkun sena ta’ rekord fit-temperaturi.