Sunday, May 5, 2024

Oppenheimer iddomina l-Golden Globes

Mario Azzopardi
Mario Azzopardi
Kritiku tal-Films

Aqra wkoll

Golden Globe Awards

“Oppenheimer” irrenja waqt il-81 edizzjoni tal-Golden Globe Awards meta b’kollox rebaħ ħames unuri, inkluż għall-aħjar film drammatiku.  L-akbar rivali tiegħu għar-rebħ tal-Oscars, “Poor Things” rebaħ il-Globe għall-aħjar film mużikali jew komiku.  Il-protagonista tal-istess film, Emma Stone, rebħet l-unur għall-aħjar attriċi.

“Barbie” rebaħ l-unur ġdid imsejjaħ Best Cinematic and Box Office Achievment.  Dan kien il-film bl-akbar dħul fil-box office fl-2023 b’dħul ta’ $1.44 biljun.  Jekk dan l-unur ġdid ser jibda jingħata lil dak il-film bl-akbar suċċess finanzjarju, x’inhu l-iskop li jkun hemm in-nominazzjonijiet ma’ films oħra?  Hawn min qal li l-iskop kien li l-organiżżaturi jiġbdu lil Taylor Swift li kienet innominata għall-concert film tagħha li kellu suċċess enormi, “Taylor Swift: The Eras Tour”.

Dawn huma r-rebbieħa fil-kategoriji tal-films:

Films Drammatiċi: Film – Oppenheimer; Attur – Cillian Murphy; (Oppenheimer); Attriċi – Lily Gladstone (Killers of the Flower Moon)

Films Mużikali jew Komiċi: Film – Poor Things; Attur – Paul Giamatti (The Holdovers); Attriċi – Emma Stone (Poor Things).

L-unuri l-oħra: Direttur – Christopher Nolan (Oppenheimer); Film mhux bil-lingwa Ingliża – Anatomy of a Fall; Film animat – “The Boy and the Heron”; Attur f’Parti Sekondarja – Robert Downey Jr. (Oppenheimer); Attriċi f’Parti Sekondarja – Da’Vine Joy Randolph (The Holdovers); Screenplay – Anatomy of a Fall; Mużika – Ludwig Göransson (Oppenheimer); Kanzunetta oriġinali – What Was I Made For (Barbie); Cinematic and Box Office Achievement – Barbie.

Box Office

Għar-raba’ ġimgħa “Wonka” kompla jiddomina l-box office Amerikana.  Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet meta kellu dħul ta’ $14.4 miljun.  Mit-teatri Amerikani, issa tella’ dħul ta’ kważi $165 miljun.

Il-film li ssorprenda lil ħafna bis-suċċess li kellu kien it-thriller “Night Swim” li bħala producers għandu l-esperti tal-films tal-orrur Jason Blum u James Wan.  Minkejja li l-kritiċi qalu li mgħoġobhomx, “Night Swim” kellu dħul ta’ $12-il miljun u ddebutta fit-tieni post.

Fit-tielet post tal- box office Amerikana wieħed isib il-film animat “Migration” li hawn Malta narawh bħal daż-żmien xahar.  “Aquaman and the Lost Kingdom” u l-film komiku “Anyone But You” okkupaw ir-raba’ u l-ħames post rispettivament.

The Beekeeper

L-isem tal-attur Jason Staham hu sinonimu ma’ thrillers mimlija azzjoni.  Għal dawk li ma jitilfux films ta’ dan  l-attur Ingliż, “The Beekeeper” mhux sejjer jiddiżappunthom.

Jason Stathom għandu l-parti ta’ Adam Clay. Huwa jgħix mal-anzjana Eloise Parker u jieħu ħsieb in-naħal.  Adam ikun jixtieq li jinsa’ l-passat tiegħu.  Meta xi ħadd jeqred permezz ta’ scam dak kollu li Eloise kellha mfaddal, hi tieħu ħajjitha.  Adam jeħodha bi kbira u jkun determinat li jwettaq vendetta fuq min kien il-kaġun ta’ dan kollu.  Hawnhekk fejn Adam jikxef il-ħajja passata meta kien merċinarju ma’ organizzazzjoni klandestina.

Minkejja li Jason Statham għandu 56 sena, dan hu l-ħames film li ħadem is-sena l-oħra.  Jippreferi kwantità milli kwalità.  Il-films ta’ Jason Statham huma mimlija stunts u għalhekk mhux ta’ b’xejn li hu vuċi b’saħħitha sabiex l-Oscars jibdew jirrikonoxxu wkoll ix-xogħol tal-istuntmen.

Maħdum taħt id-direzzjoni ta’ David Ayer, “The Beekeeper” hu klassifikat 15 minħabba xeni ta’ vjolenza, dettal tal-feriti, lingwaġġ u użu ħażin tad-droga.

Sport