Monday, October 14, 2024

Inizjattiva li għandha tkun imitata

Aqra wkoll

Bdejna sena ġdida. Bidu li, fost affarijiet oħrajn, ifisser id-dħul fis-seħħ tal-Budget 2024. Budget li jinkludi diversi titjib fil-benefiċċji soċjali. Fost ruxxmata miżuri hemm il-pensjonijiet, li kuntrarjament għal dak li kien jiġri taħt Gvernijiet Nazzjonalisti, issa qegħdin jiżdiedu kull sena, b’seħħ minn kull Jannar.

Jien pensjonant. Wieħed minn eluf li fil-jiem li għaddew irċivejna bil-posta informazzjoni diretta dwar żieda fil-pensjoni kontributorja. Id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, permezz ta’ ittra datata 15 ta’ Diċembru 2023 taħt il-firma ta’ Grazio Barbara, Direttur Ġenerali – Sigurtà Soċjali, infurmani li b’riżultat tal-miżura taż-żieda għall-għoli tal-ħajja mħabbra fil-Budget li ġie ppreżentat għas-sena 2024, ir-rati tal-Pensjoni Kontributorja għall-Irtirar (TPP) se jiżdiedu.

F’tabella speċifika ngħatajt informazzjoni dwar kemm kienet il-pensjoni tiegħi fis-sena 2023 u kemm se tkun għas-sena 2024. Infurmawni wkoll kemm kien il-bonus għall-għoli tal-ħajja fis-sena 2023 u kemm se jkun issa kif ukoll dwar x’kien it-total fil-ġimgħa tul is-sena 2023 u kemm se jkun tul is-sena 2024. Infurmawni wkoll kemm kien it-total għal erba’ ġimgħat fis-sena 2023 u kemm se jkun fis-sena 2024. Ġejt infurmat ukoll li l-pagament li se nirċievi jkopri erba’ ġimgħat bir-rata l-ġdida flimkien mal-bonus għall-għoli tal-ħajja, għall-perjodu mis-06/01/2024 sat-02/02/2024.

Infurmawni wkoll li jekk għandi xi diffikultà nista’ mmur fl-eqreb Uffiċċju ta’ Servizz.gov tal-lokalità tiegħi jew inċempel fuq freephone 153 sabiex ningħata l-għajnuna meħtieġa.
Sadattant għandu jingħad li perjodikament tasallek informazzjoni d-dar b’dati ta’ meta se tkun qed tirċievi l-pensjoni u l-ammont. Servizz informattiv u effiċjenti aktar minn hekk ma nafx jeżistix.

It-twassil ta’ tali informazzjoni ma bediex lbieraħ, imma qed nirreferi għalih għax tali inizjattiva haqqha kull tifħir, u għax mhux kull Ministeru jagħmilha. Jien nippretendi li ċ-ċittadin għandu jkun infurmat dwar x’titjib ikun sar f’kull benefiċċju li jolqot lilu b’riżultat tal-Budget 2024.

Hekk ukoll nippretendi li mal-kont tad-dawl u l-ilma li jasalli kull xahrejn ningħata informazzjoni dwar kemm kien ikun il-kont attwali kieku l-Gvern ma jissussidjax l-ispiża tal-enerġija, kieku l-Gvern ma żammx il-prezzijiet stabbli.

L-istess nippretendi li kull ċittadin li jingħata servizz mediku mill-isptar Mater Dei u kull forma oħra ta’ servizz, ikun infurmat li tali servizz sewa lill-pajjiż tali ammont, imma grazzi għas-servizz tas-saħħa li għandna tali servizz kien qed jingħata b’xejn. L-istess nippretendi li għandu jsir fir-rigward ta’ mediċini li ċ-ċittadini jingħataw b’xejn taħt l-iskema tal-POYC. Iva, nippretendi lil-benefiċjarju għandu jkollu l-informazzjoni dwar kemm tkun tiswa’ l-mediċina li jkun qed jingħata b’xejn.

Nibqa’ insostni l-argument tiegħi fir-rigward ta’ kull servizz ieħor li qed jingħata b’xejn mill-Gvern. Iva, nippretendi li l-Ministeru għall-Edukazzjoni għandu jinforma lil kull ċittadin fi tmiem kull term skolastiku kemm ikun sewa finanzjarjament għal uliedu. Aktar u aktar meta kulħadd jaf kemm kull min għandu tfal jattendu xi skola tal-Knisja jaf kemm qed ikollu jagħti bħala DONAZZJONI lill-iskola konċernata meta fil-verità dik ma hi DONAZZJONI xejn imma hija miżata li tkun stabbilita mit-tmexxija tal-iskola konċernata.

Ikun qed jinqata’ l-blat jekk kull tliet xhur ċittadini li wliedhom jagħmlu użu mit-trasport B’XEJN għall-iskola jingħataw informazzjoni dwar kemm ikunu ffrankaw minn bwiethom ċ-ċittadini konċernati?

Forsi ma jkunx tajjeb jekk lil dawk li qegħdin jibbenefikaw minn servizz ta’ Child Care b’xejn ninfurmawhom kull tliet xhur kemm kienu ffrankaw flus għal tali servizz?

Dan it-tip ta’ argument japplika għal kull ministeru li dipartimenti fid-dekasteru tiegħu jagħtu servizzi b’xejn.

Nistħajlek tgħid li dan is-suġġett diġà ktibt dwaru ftit tax-xhur ilu, u allura x’inhi r-raġuni li għaliha qed nerġa’ nittrattah. Faċli t-tweġiba: iċ-ċittadin għandu jinżamm aġġornat dwar kull miżura ġdida li jaħseb għaliha l-Budget 2024 u li tiddaħħal fis-seħħ. U ċ-ċittadin partikolari għandu jkun infurmat dwar kemm ikun qed jibbenefika.

[email protected]

It-tmiem ta’ sena u bidu ta’ oħra fil-Belt Valletta

Ċertament li l-folla kbira ta’ nies li kienet preżenti f’Misraħ San Ġorġ u Triq ir-Repubblika l-Belt għall-attività li tat l-aħħar tislima lis-sena 2023 u laqgħet lis-sena 2024 kienet ta’ sodisfazzjon enormi għall-organizzaturi u għal kull wieħed u waħda li kienu ilhom ix-xhur għaddejjin bil-preparamenti.

L-eluf ta’ Maltin, flimkien ma’ barranin li jgħixu fostna u preżenza qawwija ta’ turisti li qattgħu l-btajjel tal-Milied u tal-Ewwel tas-Sena magħna, kellhom biex jitpaxxew. Kemm kienet atmosfera sabiħa, fejn iddomina l-ispirtu li r-razza, il-kulur tal-ġilda, il-lingwa, ma jfissru xejn. Fejn l-element razzista, li sfortunatament kultant żmien jgħolli xi ftit rasu taħt forma jew oħra, ingħata l-ġenb. Fejn ma kienet tagħmel ebda differenza jekk il-folla kinetx tinkludi Indjani, Pakistani, Taljani, Griegi, Nepaliżi, Pollakki, Serbi. Fejn spikkat it-tolleranza. Jew ninsab żbaljat?

Li kien jaħasra li dik l-atmosfera tkun in-norma u mhux xi forma ta’ eċċezzjoni.

Sport