Monday, December 30, 2024

L-2024: sena ta’ suċċess għal Malta fix-xena internazzjonali

Aqra wkoll

Is-sena 2024 kienet waħda importanti ħafna għal Malta. Sena li fiha ġie muri kemm pajjiżna jgawdi rispett fix-xena internazzjonali. Dan ir-rikonoxximent lejn pajjiżna intwera kemm meta assumejna l-Presidenza tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda kif ukoll tal-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni u s-Sigurtà fl-Ewropea (OSCE).

Is-sena li ġejja se tkun waħda importanti wkoll billi Malta se terġa’ tkun protagonista meta tibda tippresjedi l-Kunsill tal-Ewropa u għall-ewwel darba f’aktar minn 10 snin f’pajjiżna se tittella’ l-Konferenza Ministerjali għaż-Żgħażagħ.

Dan is-suċċess ta’ pajjiżna fix-xena internazzjonali kien rifless ukoll fil-messaġġ li għamlet il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono fl-okkażjoni tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena. 

Ġajjiet bħal dawn huma lkoll xhieda konkreta li r-reputazzjoni ta’ Malta kulma jmur qed issir dejjem aktar rispettata u rikonoxxuta mill-komunità internazzjonali. Minkejja ċ-ċokon tiegħu, leħen pajjiżna qed jinstema dejjem aktar sod u jingħata aktar importanza. Huwa proprju dan kollu li għandu jqawwi qalb pajjiżna biex jibqa’ jistinka u jaħdem għad-djalogu u l-paċi fid-dinja, aktar u aktar fir-reġjun tal-Mediterran li ilu diċenji sħaħ jara kunflitti f’xi naħa jew oħra tar-reġjun. 

Anke fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġus Magħquda, Malta ħalliet impatt pożittiv tant li riċentament l-istess Kunsill adotta formalment riżoluzzjoni ppreżentata minn Malta sabiex jissaħħu l-isforzi internazzjonali għall-ħarsien tat-tfal f’żoni ta’ kunflitti armati. Din ir-riżoluzzjoni ġiet appoġġjata minn aktar minn 100 stat membru tal-Ġus Magħquda.

Pajjiżna dejjem kien minn ta’ quddiem biex jieħu inizjattivi favur is-sliem, il-prosperita u l-progress globali. Hekk kien għamel ukoll fl-1967 meta ppropona l-prinċipju tal-wirt komuni tal-umanità, l-oriġini tiegħu u l-isfidi attwali.

Għall-posterita, rridu nfakkru kif dakinhar, f’diskors importanti li kien għamel lill-Ewwel Kumitat tal-Assemblea Ġnerali tan-Nazzjonijiet Uniti fl-1967, l-Ambaxxatur Malti Arvid Pardo ippropona li qiegħ il-baħar fond lil hinn mill-ġurisdizzjoni nazzjonali u r-riżorsi li jinsabu hemmhekk jiġu ddikjarati bħala wirt komuni tal-umanità.

Il-proposta ta’ Malta kienet li jiġi nnegozjat trattat komprensiv biex jissalvagwardja l-istatus tal-ibħra u l-oċeani bħala proprjetà komuni globali. 

Dak li kienet ipproponiet Malta wassal għall-adozzjoni fl-1982 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS), li ddikjarat dawn iż-Żona u r-riżorsi bħala l-wirt komuni tal-umanità. 

Dan kollu juri li kull pajjiż, anki jekk l-iċken wieħed fil-mappa tad-dinja, jista’ jikkontribwixxi b’inizjattivi konkreti bil-għan li tirrenja l-paċi kullimkien, u fil-kuntest ta’ dan, Malta tat aktar minn prova waħda li l-kisba tas-sliem dinji mhijiex impossibbli.

Ekonomija

Sport