Żgur mhux forsi li għal ħafna minna, ir-rivista Sagħtar iġġib magħha ċertu sens ta’ nostalġija tat-tfulija. Dan hekk kif f’din il-pubblikazzjoni konna nsibu materjal ta’ interess, bi stejjer differenti u xi kompetizzjoni ma tonqosx.
Għalkemm għaddew 55 sena mill-ewwel pubblikazzjoni ta’ din ir-rivista, is-Sagħtar xorta waħda għadu popolari u mfittex sal-lum il-ġurnata, fejn dan qed ikompli jiġi aġġornat u huwa wkoll aċċessibbli online. U proprju f’Marzu li ġej, se tiġi ppubblikata l-400 ħarġa tar-rivista Sagħtar.
Għal din l-okkażjoni, il-Fondazzjoni Sagħtar fi ħdan l-Unjin Maltija tal-Għalliema (MUT) qiegħda tistieden lill-istudenti kollha ta’ bejn it-3 u s-16-il sena biex jieħdu sehem f’kompetizzjoni speċjali u storika, fejn se jkollhom l-opportunità li jiddisinjaw huma stess il-faċċata tar-rivista li jmiss.
Dwar dan u aktar tkellimna maċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Sagħtar Elaine Germani, li qaltilna li għall-400 ħarġa tas-Sagħtar se jkunu qed iħejju bosta attivitajiet. Waħda minnhom hi s-sejħa għall-istudenti biex ikunu huma li jiddisinjaw il-faċċata tar-rivista.
Hija spjegat li l-ewwel pass biex wieħed jieħu sehem f’din il-kompetizzjoni huwa li jibgħat scan tad-disinn bl-email fuq [email protected] sa mhux aktar tard mill-10 ta’ Frar 2026. It-tpinġija trid tkun fuq karta A4 portrait. It-tpinġijiet li se jintbagħtu se jkunu esebiti waqt attività speċjali.
Intant, ma’ L-Orizzont, Germani tkellmet dwar l-għanijiet ewlenin tal-Fondazzjoni Sagħtar li huma li: tagħti l-kontribut tagħha biex iġġib ’il quddiem l-irwol professjonali tal-edukaturi u l-għarfien tal-istudenti, tipprovdi opportunitajiet għall-iżvilupp professjonali tal-edukaturi, torganizza proġetti u attivitajiet maħluqin biex jipprovdu taħriġ professjonali lill-edukaturi u jgħinu lill-istudenti sabiex jirnexxu u toħloq u tippubblika materjal edukattiv.
Hija tgħid li meta twaqqfet il-Fondazzjoni, fl-2020, l-ewwel ħaġa li għamlet kienet li r-rivisti kollha tas-Sagħtar ikunu disponibbli f’verżjoni diġitali. Fil-fatt, wieħed jista’ jsib dawn ir-rivisti fuq is-sit saghtar.org.mt.
“Ma nistgħux ngħidu li ma kellniex sfidi matul is-snin biex nibqgħu nżommuh attraenti. Kien hemm perjodu fejn is-Sagħtar waqaf biex issir analiżi ta’ x’seta’ jsir aħjar. Meta erġajna bdejna noħorġuh, ħloqna l-verżjoni diġitali, l-app, u sar tibdil fid-disinn tiegħu, aktar kulurit, biex naraw li jappella aktar għat-tfal,” qalet iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Sagħtar. “Nixtiequ li s-Sagħtar, anke bid-dehra tiegħu, minbarra l-kontenut, iħajjar lit-tfal jaqraw, u jieħdu gost jaqraw.”
It-temi li wieħed isib fis-Sagħtar huma varji u jinkludu fost oħrajn il-Karnival, is-Sajf u l-Milied. Ma’ dawn hemm ukoll kontenut ieħor li jagħti informazzjoni fuq il-kultura u anke l-lingwa Maltija. “Is-Sagħtar għandu patrimonju u anke post fl-edukazzjoni fejn qed jagħti xi ħaġa bil-Malti u f’kuntest li rridu nżommuh lokali ħafna,” qalet Germani.
Hija spjegat ukoll li s-Sagħtar beda l-ewwel għall-istudenti tas-sekondarja u matul is-snin dan il-kunċett kompla jitwessa’ u issa qed jiffokaw fuq it-tfal tal-Primarja u l-Middle School.
Barra minn hekk, Germani qalet li nħoloq is-Sagħtarin, li huwa rivista distina mis-Sagħtar, għal tfal iżgħar fl-età. Din ir-rivista fiha inqas kitba u ħafna aktar stampi, fejn it-tfal jistgħu jpinġu u jiktbu fuqu. “F’dan ir-rigward, qed naraw li għandna rispons pożittiv anke minn studenti barranin, jew studenti li għandhom diffikultajiet fit-tagħlim.”
Fl-aħħar nett, iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Sagħtar qalet li għaż-żmien li ġej beħsiebhom joħorġu b’aktar proġetti innovattivi, b’wieħed minnhom se jkun dak relatat mar-riċerka, fejn se jkunu qegħdin jaħdmu fuq is-snajja’ Maltin.

