Saturday, December 14, 2024

L-ACE tgħid li Malta għandha waħda mill-ogħla rati ta’ VAT fuq ir-ristoranti fost il-pajjiżi tal-UE

Aqra wkoll

L-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering qalet li tinsab sorpriża u fl-istess ħin imħassba b’kummenti li għamel il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana fil-Parlament fejn intqal li eskluda tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud għall-industrija tal-istabbilimenti tal-catering kif propost mill-ACE qabel ġie ppreżentat il-budget 2024.

Fi stqarrija l-ACE nnotat li l-Ministru Caruana sostna li Malta għandha t-tieni l-inqas rata ta’ VAT wara l-Lussemburgu, filwaqt li kien injorat il-fatt li ħafna mill-pajjiżi tal-UE għandhom rati varjabbli ta’ VAT għal kriterji differenti, b’mod partikolari l-ikel fir-ristoranti. L-Assoċjazzjoni qalet li Malta fil-fatt għandha s-sitt l-ogħla rata ta’ VAT fuq l-ikel fir-ristoranti fi ħdan is-27 stat membru tal-UE.

L-ACE qalet ukoll li tirrikonoxxi s-sussidji tal-enerġija li japplikaw għall-industriji kummerċjali kollha. Madankollu, enfasizzat li l-inflazzjoni globali kellha impatt qawwi fuq l-ikel lokali b’kuntrast mal-kontropaartijiet l-oħra Mediterranji.

“Malta timporta aktar minn 70% tal-konsum tal-ikel tagħha filwaqt li pajjiżi kompetituri bħall-Italja, Franza, Spanja u l-Kroazja jimportaw medja ta’ mhux aktar minn 10%,” qalet l-ACE.

Hija faħħret ukoll il-fatt li l-Gvern alloka baġit biex tiġi miġġielda l-inflazzjoni u laħaq ukoll ftehim mal-importaturi u sidien tal-ħwienet biex il-prezzijiet jinżammu stabbli jew saħansitra jorħsu. L-ACE iżda fakkret li din l-istess inflazzjoni kellha impatt qawwi wkoll fuq l-industrija tar-ristoranti, u għalhekk fi kliemha “t-tnaqqis tal-VAT tkun miżura xierqa fi żmien partikolari ħafna għall-industrija.”

Ekonomija

Sport