Friday, April 26, 2024

L-ADDOZZJONI

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Miktub minn Alfred Sant

F’nofs diskussjoni dwar suġġett kontroversjali, persuna fetħitilha miegħi dwar suġġett delikat ieħor – l-addozzjoni. F’soċjetajiet li jiftaħru kemm jabborru l-abort, wieħed kien jistenna li l-addozzjoni – jekk immexxija b’mod serju – tkun aġevolata sew. Mentri mhux hekk.

Dil-persuna rrakkuntat id-diffikultajiet kbar li jiltaqgħu magħhom koppji li jixtiequ jaddottaw: finanzjarji, amministrattivi, mediċi, u sempliċement ta’ dewmien, apparti milli s-sogru għadu mhux żgħir li jiġu milgħuba meta jħallsu ħafna flus u ma jieħdu xejn tagħhom.

Mhijiex ħaġa ħafifa ssib soluzzjoni għal problema bħal din. Id-diffikultajiet li trid tħoll huma enormi. Madankollu l-gwadann uman li jista’ jintlaħaq jekk l-affarijiet isiru bil-galbu, trasparenza u b’ħeffa raġonevoli hu wkoll konsiderevoli. 

PASSAPORTI

Il-player magħruf tal-ballun tal-Barcellona Suarez kien wasal biex jittrasferixxi għal tim Taljan. Imma dan kien diġà mela l-kwota li seta’ jkollu ta’ players minn barra l-Unjoni Ewropea. Biex jingaġġah, Suarez li ġej mill-Amerika Latina kellu jiddobba passaport Taljan. Inqalgħet problema biex din il-proċedura titwettaq fil-ħin. Ħadd iżda ma qal xejn kontriha. 

Li laqatni f’dil-biċċa kien il-qafas li fih saret jew kellha ssir.

Kien wieħed ta’ negozju, sportiv veru, imma xorta il-passaport Taljan kellu jingħata lil Suarez bħala mossa ta’ bejgħ u xiri.

Ma stajtx ma nirriflettix fuq li smajna jingħad kemm-il darba dwar il-passaporti ta’ pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea, f’rabta mal-programmi ta’ ċittadinanza ta’ Malta… fost oħrajn. Smajna li mhux sew li ċ-ċittadinanza qed titpoġġa għall-bejgħ għax dan jimmina l-integrità tal-Unjoni Ewropea, u li… insomma, ma nafx kemm raġunijiet hekk tqanqlu.

Issa veru li l-biċċa ta’ Suarez hi differenti bħala proċess minn dak tal-programmi ta’ ċittadinanza. Imma xorta tibqa’ maqbuda f’rabta ta’ negozju. Xorta, ħadd ma qal xejn dwarha. Fejn hi l-koerenza?

L-IPOKREŻIJA POLITIKA

Jidher li l-ipokreżija politika tixxettel kullimkien. Fl-Istati Uniti titperreċ fuq skala kontinentali bla wisq diffikultà.

Mal-mewt tal-mibkija imħallef tal-Qorti Suprema Ruth Bader Ginsburg  għandu jibda l-proċess għan-nomina mill-President tal-Istati Uniti ta’ min se jeħodilha postha. Imma Donald Trump baqagħlu ftit ġimgħat fil-kariga qabel jaffaċċja elezzjoni għal min se jkun President fl-erba’ snin li jmiss. 

Meta xhur qabel spiċċa t-terminu tal-President Obama, qam każ simili, il-Partit Repubblikan b’vuċi waħda qal li Obama kellu jistenna li tgħaddi l-elezzjoni ħalli jħalli lill-President ta’ urajh jagħmel in-nomina. Għamlu minn kollox biex iħarbtu n-nomina li ressaq quddiem is-Senat.

Illum ħafna Repubblikani mhuma jaraw l-ebda problema filli Trump jagħmel in-nomina tiegħu. Lesti jappoġġjawha. Diffiċli tifhem kif pożizzjonijiet hekk jistgħu ma joħolqux sfiduċja sħiħa fit-tmexxija politika. 

Sport