Tuesday, May 14, 2024

L-ADPD jibqa’ jinsisti li għandu jkollu postu fil-parlament

Carmel Cacopardo ħabbar li din ser tkun l-aħħar sena tieghu fit-mexxija tal-partit

Aqra wkoll

“L-ADPD – The Green Party se jibqa’ jinsisti li kull vot jgħodd u għalhekk se jkompli jisħaq li għandu jkollu rappreżentenza xierqa fil-parlament li tirrifletti il-fiduċja li wrew fih dawk li vvutawlu fl-aħħar Elezzjoni Ġenerali. Barra minn hekk, hemm bżonn leġiżlazzjoni sura dwar il-finanzjament tal-partiti, pedament essenzjali għall-infrastruttura demokratika tal-pajjiż.” Dan qalu iċ-Chairperson ta’ ADPD – The Green Party, Carmel Cacopardo fil-laqgħa ġenerali statutorja wara l-Elezzjoni Ġenerali fejn ġie ukoll ikkonfermat il-kumitat eżekkutiv tal-partit kif indikat hawn taħt.

Il-laqgħa ġiet indirizzata ukoll minn Sandra Gauci, Deputat Chairperson li saħqet li ADPD għandu jibqa’ l-vuċi ta’ dawk li l-partiti tradizzjonali jevitaw u jinjoraw: dawk li huma politikament orfni. Il-votanti tal-ADPD huma fil-parti l-kbira tagħhom konxji li l-politika imressqa minnu hija waħda sostanzjalment differenti minn dik li hija imressqa minn dawk il-partiti l-kbar.

“Il-vot tagħhom lejn l-ADPD hu primarjament vot ta’ fiduċja fil-viżjoni politika tagħna li tħares lejn il-ġenerazzjonijiet futuri biex tfittex li tassigura li dak li jitwettaq illum jippermettilhom jkunu jistgħu jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom għada,” qalet Gauci.

Il-ħidma ta’ ADPD ser tibqa’ iffukata fuq l-importanza tal-ħarsien ambjentali imżewġa ma’ impenn dejjiemi favur ġustizzja soċjali u id-dritt għal għajxien ġust għal kulħadd. F’pajjiżna hemm bżonn li tirrenja is-saltna tad-dritt li minkejja il-ħafna wegħdiet fiergħa ftit li xejn sar f’dan il-qasam, temmet tgħid Gauci.

Carmel Cacopardo, emfasizza li kull vot għandu jgħodd – għalhekk kien li l-ADPD fetaħ kawża kostituzzjonali biex l-inġustizzji imwettqa mis-sistema elettorali kontra l-partit jiġu indirizzati minnufih. Dan speċjalment meta f’din l-aħħar elezzjoni l-inġustizzji komplew żdiedu bl-introduzzjoni ta’ tnax-il siġġu parlamentari intenzjonati għall-bilanċ tal-ġeneru li komplew iddiskriminaw ma’ kandidati nisa tal-ADPD.

Filfatt, żewġ kandidati tal-ADPD – Sandra Gauci u Melissa Bagley – kisbu voti iktar minn kandidata tal-PL li spiċċat fil-parlament bis-saħħa ta’ dan il-mekkaniżmu. Imma il-kandidati tal-ADPD baqgħu barra għaliex ma kkontestawx f’isem wieħed mill-partiti tradizzjonali li kienu kkonfoffaw minn qabel li dan il-mekkaniżmu japplika biss għalihom it-tnejn.

“Hemm bżonn riforma mill-qiegħ tas-sistema elettorali li tindirizza iż-żewġ problemi ewlenin tagħha: dik li jkun hemm proporzjonalita’ vera għal kulħadd u li toffri rimedju għall-bilanċ tal-ġeneru,” sostna Cacopardo. Kif konna ressaqna fil-proposti tagħna għal tibdil fis-sistema elettorali dan jista’ jsir mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiżdiedu s-siġġijiet parlamentari kif ġara issa fejn għandna l-ikbar parlament per capita fl-Unjoni Ewropea.

Fi tmiem id-diskors tiegħu Carmel Cacopardo ħabbar li din ser tkun l-aħħar sena tieghu fit-mexxija tal-partit. Ser tkun sena ta’ tranżizzjoni lejn tmexxija gdida.

Il-laqgħa ġenerali approvat ukoll il-membri tal-eżekuttiv kif elenkat hawn taħt:

Carmel Cacopardo – Chairperson; Sandra Gauci – Deputat Chairperson; Mario Mallia – Deputat Chairperson; Ralph Cassar – Segretarju Ġenerali; Melissa Bagley – Deputat Segretarju Ġenerali; Mark Zerafa – Deputat Segretarju Ġenerali; Mina Tolu – Segretarju Internazzjonali; Brian Decelis – Uffiċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi; Luke Caruana – Teżorier; u Duncan Bonnici, Donal Kelly, Marcus Lauri, Matthew Mizzi – Membri.

Sport