L-Aġenzija Fitch tikkonferma rating ta’ A+ għal pajjiżna

Aqra wkoll

Għal darba oħra l-aġenzija internazzjonali ta’ kreditu Fitch ikkonfermat ir-rating ta’ A+ għal Malta, l-ogħla rating fl-istorja lil pajjiżna. Dan filwaqt li sostniet li pajjiżna mistenni jżomm dan ir-rating għaż-żmien li ġej, minħabba li għandu prospetti stabbli.

Dan b’kuntrast għal dak li qed jiġri madwar Malta, fejn iż-żieda qawwija fl-inflazzjoni qed twassal għal piżijiet kbar fuq il-familji u n-negozji. Liema piżijiet qed jirriżultaw ukoll f’defiċits akbar għall-Gvernijiet minħabba tnaqqis fir-ritmu ekonomiku.

L-esperti ta’ Fitch Ratings innutaw li fil-każ ta’ Malta l-ekonomija se tkompli tikber b’rata sostnuta. Dan hekk kif fl-aħħar għaxar snin l-ekonomija ta’ pajjiżna kibret bi kważi sitt darbiet il-medja tat-tkabbir fil-bqija tal-Ewropa. Dan wassal biex ras għal ras illum il-Prodott Gross Domestiku ta’ Malta huwa 10% aktar mill-medja Ewropea, meta sa ftit snin ilu pajjiżna kien ferm anqas produttiv mill-medja Ewropea.

Dan filwaqt li l-esperti internazzjonali sostnew li fis-snin li ġejjin mistenni li jonqos il-bżonn ta’ ħaddiema barranin, anke b’riżultat li daħħal il-Gvern bil-Malta labour migration policy. Minkejja dan, it-tkabbir ekonomiku mistenni jibqa’ b’saħħtu, qrib l-4%, minħabba li setturi bħall-informatika, is-servizzi finanzjarji u t-turiżmu se jkomplu javvanzaw.

Ir-rapport tal-Fitch jinnota kif il-Partit Laburista kiseb ir-raba’ rebħa konsekuttiva fl-elezzjoni ġenerali u li dan se jwassal għal kontinwità. Fost l-oħrajn innota kif b’kuntrast għal dak li qed jiġri barra minn Malta, f’pajjiżna qed jinżammu stabbli l-prezzijiet tal-fuel u tal-enerġija. Politika li qed tkun ta’ tarka għall-familji u għan-negozji imma li tfisser spiża qawwija minn-naħa tal-Gvern.

Imma skont l-esperti internazzjonali, minħabba l-ekonomija b’saħħitha ta’ pajjiżna, xorta d-defiċit se jibqa’ jonqos. Dan filwaqt li d-dejn nazzjonali se jkun stabbli fil-livell ta’ 46%. Livell li huwa ferm anqas minn dak ta’ pajjiżi oħra madwar id-dinja.

Fitch Ratings sostnew ukoll li pajjiżna għandu livell għoli ta’ governanza, fost l-aqwa terz tal-pajjiżi madwar id-dinja, grazzi għas-saltna tad-dritt effettiva u livell relattivament baxx ta’ korruzzjoni.

B’rabta ma’ din l-aħbar, fuq il-pjattaforma X, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li minkejja l-inċertezza globali, Malta xorta rnexxielha tafferma mill-ġdid din il-klassifika. Dr Abela tenna li ekonomija b’saħħitha tfisser li Gvern Laburista jista’ jibqa’ jżomm il-prezzijiet tal-enerġija u tal-fuel stabbli, filwaqt li xorta jonqos id-defiċit fiskali.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport