L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta hija inkarigata mill-iżvilupp u l-produzzjoni ta’ Programm Kulturali annwali bil-għan li tkompli ssaħħaħ ir-riġenerazzjoni soċjali, kulturali u ekonomika tal-Belt Valletta. Bħala parti mill-Programm Kulturali tagħha, l-Aġenzija tieħu approċċ multidixxiplinarju li jiffoka mhux biss fuq spettakli fuq skala kbira iżda wkoll fuq l-aspetti kollha tal-arti u l-kultura.
Tul din is-sena, l-Aġenzja ħadmet fuq diversi proġetti tal-massa, fosthom il-kunċert L-Għanja li Ħadd ma Jsikket: Ray Mahoney, il-Valletta Green Festival, il-Valletta Pageant of the Seas, kif ukoll il-proġett Opera in the Capital. L-10 edizzjoni tal-Valleta Green Festival saret fi Pjazza San Ġorġ fejn il-pjazza nbidlet fi ġnien maġiku li kien jinkludi bosta siġar, eluf ta’ arbuxelli u pjanti kif ukoll 2 funtani.
Fil-kunċert L-Għanja li Ħadd ma Jsikket: Ray Mahoney, il-VCA kkommemorat lill-mibki Ray Mahoney, ġgant fil-mużika u l-poeżija Maltija, li naqqax ismu fil-qasam kulturali bil-brillanza artistika tiegħu. Dan il-proġett kien parti mill-programm tal-MaltaBiennale.art 2024.
Fil-5 edizzjoni tal-Valletta Pageant of the Seas li saret f’Ġunju li għadda fil-Port il-Kbir rajna l-akbar funtani tal-ilma li qatt dehru f’Malta, projezzjonijiet fuq is-swar tal-Forti Sant’Anġlu b’tema ambjentali, spettaklu ta’ logħob tan-nar sinkronizzat, u spettaklu ta’ dawl.
Il-kunċert ta’ Opera in the Capital li ttella’ f’Awwissu li għadda fi Pjazza San Ġorġ għal darb’oħra kien ta’ suċċess kbir. Fih ħadu sehem is-sopran ta’ stoffa Nadia Vella, it-tenuri Alan Sciberras u Cliff Zammit Stevens u l-Malta Philarmonic Orchestra fejn taw gost lill-pubbliku b’kanzunetti klassiċi u kanzunetti popolari Maltin.
Waqt il-perjodu tal-Ġimgħa Mqaddsa, l-Aġenzija ħadmet fuq 3 produzzjonijiet; fosthom Tarah Wiċċ Alla, produzzjoni ta’ Joseph Galea u Carlos Farrugia li sar f’Teatru Spazju Kreattiv; il-Mixgħela tal-Ġimgħa Mqaddsa fi Pjazza San Ġorg kif ukoll kollaborazzjoni mat-Teatru Manoel fuq A Dream is Wish, Kunċert Annwali tal-Għid ta’ TOI TOI żviluppat għal familji, b’siltiet mill-iktar films favoriti mal-familji u li kien parti mill-programm tal-MaltaBiennale.art 2024.
Bejn il-11 u t-13 ta’ Ottubru, l-Aġenzija tellgħet it-tielet edizzjoni tal-Valletta Local Food Festival li sar fil-Valletta Design Cluster. Dan il-festival ġabar flimkien kokijiet lokali u artiġjani li se offrew lill-pubbliku festa kulinari Maltija mill-aqwa.
F’Novembru, l-Aġenzija tellgħet produzzjoni tar-Requiem ta’ Giuseppe Verdi f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi. Din il-produzzjoni kienet tinkludi l-parteċipazzjoni tal-Kor prestiġjuż tal-Accademia Nazionale di Santa Cecilia ta’ Ruma, magħmul minn 60 korist, li ngħaqdu mal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta u KorMalta, taħt id-direzzjoni tas-surmast ta’ fama internazzjonali Pier Giorgio Morandi sabiex taw lill-udjenza serata indimentikabbli.
Tul dan ix-xahar ta’ Diċembru ma naqasx ukoll il-programm ta’ attivitajiet tal-Milied li se jagħlaq biċ-ċelebrazzjonijiet popolari ta’ Lejlet l-Ewwel tas-Sena. Dawn l-attivitajiet matul ix-xahar kollu jdaħħlu lil dawk li jżuru l-Belt fl-ispirtu tal-Milied filwaqt li jagħtu l-ħajja lill-Belt Kapitali. Il-programm tal-2024 jagħlaq bl-esibizzjoni ta’ arti viżiva Trancending the Material: Anthony Spagnol Retrospective fil-Palazz tal-Gran Mastru li se ddum miftuħa għall-pubbliku għal aktar minn xahar.
L-Aġenzija ħadmet ukoll fuq il-Programm tagħha ta’ Strada Stretta u ħadmet fuq diversi proġetti mużikali fosthom Tribute to the Roots, Soundscapes by Kylo, u Imnarja Kubana, kollha b’togħma ta’ mużika mhux kummerċjali. L-Aġenzija wkoll ħadmet fuq l-esibizzjoni Simple Expressions of Complex Thoughts li nkludiet madwar 30 biċċa xogħol artistika minn artisti Maltin u oħrajn residenti f’Malta.
Il-Valletta Design Cluster, immexxi mill-VCA, huwa spazju uniku fil-qalba tal-belt kapitali ddedikat għat-trawwim tal-kreattività u l-innovazzjoni. Il-VDC ħadem fuq seba’ attivitajiet tul l-2024, fosthom Design Talks tal-FiftySex Design Talks, sessjonijiet ta’ tagħrif u workshops, kif ukoll Tinkering Days, vetrina lokali tad-disinn u x-xogħol tal-idejn ispirat mill-Moviment ta’ persuni kreattivi li jaħdmu bl-idejn magħrufa bħala ‘makers’ madwar id-dinja.
Programm għas-Sena 2025
Għas-sena 2025, l-Aġenzija se tkun qed torganizza l-Alpino b’kollaborazzjoni mal-Malta Philarmonic Orchestra fit-Teatru Manoel f’ Jannar u fi Frar se jkun hemm kunċert tas-sonati tal-pjanu ta’ Schubert fil-Malta Society of Arts bis-sehem tal-pjanist Francis Camilleri. Għal darb’oħra waqt iż-żmien tal-Għid se jkun hemm il-Mixgħela tal-Ġimgħa l-Kbira, filwaqt li bejn April u Mejju l-Valletta Green Festival se jirritorna fi Pjazza San Ġorġ. Għax-xaħar ta’ Mejju, l-Aġenzija qed tippjana kunċert ieħor fejn se jindaqqu kanzunetti klassiċi ta’ artisti Maltin li m’għadomx magħna f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi. F’Ġunju, l-Aġenzija se tkun qed taħdem ma’ diversi każini tal-festi tal-Belt Valletta biex tħejji avveniment mill-aqwa li se jitħabbar aktar ’il quddiem u li żgur se jkun qed iferraħ lil ħafna nies li tant u tant ilhom jistaqsu għalih.
Is-sena d-dieħla se jkunu jirritornaw bil-kbir Opera in the Capital kif ukoll il-festa kulinari Maltija; il-Valletta Local Food Festival. Mill-aħħar ta’ Novembru jibda il-Programm tal-Milied u dan se jkompli għaddej tul ix-xahar ta’ Diċembru fejn se jerġa’ jagħlaq bl-akbar avveniment bla ħlas tal-aħħar tas-sena fi Pjazza San Ġorġ. Fix-xahar ta’ Diċembru, għal darb’ oħra, l-Aġenzija se tkun qed torganizza l-esebizzjoni annwali tal-arti viżiva tagħha.
Il-pjan għal Streda Stretta jinkludi tmien attivitatjiet, ħafna minnhom mużikali minn diversi stili li jinkludu kemm talent lokali u internazzjonali.
Min-naħa tal-Valletta Design Cluster, l-Aġenzija se tkun qed torganizza numru ta’ sessjonijiet ta’ tagħrif u taħriġ li jinkludu temi bħall-arkitettura sostenibli, id-disinn urban, xogħol maħdum bl-injam, robotics, inġinerija, teknoloġija u ħafna aktar, kif ukoll programm ta’ residenza għad-disinjaturi.