Saturday, July 20, 2024

L-Aġenzija tar-Reġistru tal-Artijiet qed taġġorna l-istrateġija tagħha biex il-pubbliku jinqeda aħjar

Aqra wkoll

L-Aġenzija tar-Reġistru tal-Artijiet tinsab fi proċess ta’ aġġornament tal-istrateġija tagħha b’mod li qed tħares lejn l-aspetti kollha tar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet bil-għan li jkunu indirizzati r-realtajiet tal-lum. L-istrateġija tinkludi mhux biss it-tiġdid leġiżlattiv li huwa meħtieġ imma wkoll aktar diġitalizzazzjoni f’dan il-qasam.

Dan intqal mill-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi waqt li kien qed jitkellem fit-tieni workshop tan-Network Ewropew tar-Reġistri tal-Artijiet li ġie organizzat f’Malta mill-Assoċjazzjoni tar-Reġistru tal-Artijiet Ewropew, flimkien mal-Aġenzija tar-Reġistru tal-Artijiet ta’ Malta.

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi qal li llum jagħrfu li mal-medda taż-żmien inbidel il-mod kif il-proprjetajiet jinbiegħu u jkunu żviluppati, u sar komuni ħafna li f’binja waħda jkollok faċilitajiet ta’ użu differenti u kunċetti varji ta’ kif tintuża l-arja ta’ binja.

Huwa tenna li l-introduzzjoni ta’ teknoloġija diġitali fir-Reġistru tal-Artijiet hija essenzjali. L-aġenzija ser tkun qed tinvesti f’sistemi diġitali biex ikun żgurat li l-proċessi fir-Reġistru tal-Artijiet isiru aktar effiċjenti u trasparenti.

“Bil-qalba lejn l-użu ta’ aktar teknoloġija diġitali għax-xogħol tar-riċerki u r-reġistrazzjoni ta’ proprjetajiet se nkunu qed inħaffu u nsaħħu dawn il-proċess u nagħmluhom aktar aċċessibbli”, qal il-ministru.

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi tenna li l-Aġenzija tar-Reġistru tal-Artijiet hija impenjata li tħarreġ aktar nies biex jilqgħu għall-isfidi moderni tal-aġenzija. Qal li huwa essenzjali li l-aġenzija tagħmel l-investiment meħtieġ fir-riżors uman biex il-pubbliku jkun moqdi aħjar.

Fl-istess waqt l-aġenzija se tkun qed tidhol f’konsultazzjoni wiesgħa mal-istakeholders kollha involuti fix-xogħol tar-reġistru biex ikunu mgħarrfa u kkonsultati dwar it-tibdiliet li se jkunu qed jiġu ppjanati. F’dan il-proċess ħa jkunu involuti esperti li bl-għarfien u l-esperjenza tagħhom jistgħu jikkontribwixxu biex l-istrateġiji li tkun qed tadotta l-aġenzija jkunu effettivi.

Il-workshop offra l-possibbiltà li l-uffiċjali li huma involuti f’Reġistri tal-Artijiet Ewropej jiltaqgħu flimkien u jaqsmu esperjenzi tagħhom filwaqt li jiddiskutu l-pjan li hemm tal-integrazzjoni tat-teknoloġija diġitali fil-proċessi tagħhom.

Il-workshop ġie indirizzat ukoll, fost l-oħrajn, mill-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni tal-Aġenzija, il-Perit Michelle Piccinino, li tkellmet dwar kif l-aġenzija qed taħdem biex tkompli ttejjeb l-operat tagħha u tkun ta’ servizz aqwa u aħjar lil dawk kollha li jkollhom bżonn is-servizzi tal-aġenzija.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport