Monday, December 23, 2024

L-agħar qattiel fl-Istati Uniti jħalli lista twila ta’ vittmi mhux magħrufa

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Samuel Little li qatel 93 persuna jmut taħt arrest fl-età ta’ 80 sena

Miktub minn Carmen Cachia

Wieħed mill-aktar qattiela perikolużi fl-istorja, Samuel Little, kien intbagħat il-ħabs fl-2014 talli qatel tliet nisa iżda huwa aktar tard kien ammetta li qatel xejn inqas minn 93 persuna. L-agħar qattiel fl-istorja Amerikana kien stqarr li faga lil dawn in-nies kollha iżda l-awtoritajiet Amerikani għadhom ma jafux l-identità ta’ nofs il-vittmi tiegħu.

Little kien jimmarka nisa vulnerabbli ta’ karnaġġjun skura, inklużi prostituti, għax kien jemmen li l-għibien tagħhom ma jiġbidx daqstant l-attenzjoni tal-pulizija. Dan minħabba li skont huwa, l-awtoritajiet ma jagħtux daqstant każ ta’ vittmi minn dawn l-istrati tas-soċjetà. Din il-mossa kkalkulata ta’ dan il-qattiel hija rrapportata korretta u l-mewt riċenti tiegħu se ssarraf f’ħafna mistoqsijiet għal ħafna familji li għadhom ma jafux jekk l-għeżież tagħhom kienux fost il-maqtula minn Little.

Huwa kien qiegħed jiskonta tliet sentenzi konsekutivi ta’ għomor il-ħabs mingħajr parowl għall-qtil ta’ tliet nisa f’Los Angeles tul is-snin 80. Il-pulizija lokali fl-investigazzjonijiet tagħha sabet li d-DNA ta’ Little kien fil-post tad-delitti u għalhekk setgħet tressqu l-qorti akkużat bihom.

Dan is-serial killer instab ħati ta’ qtil fl-ewwel grad mill-qorti ta’ Los Angeles fil-25 ta’ Settembru, 2014 u beda jiskonta s-sentenza mogħtija lilu madwar xahrejn wara. Skont il-Federal Bureau of Investigation (FBI), Little beda jagħti informazzjoni ta’ aktar qtil li għamel waqt intervista li saritlu fil-ħabs stess fl-2018. Fl-aħħar huwa ammetta li bejn l-1970 u l-2005, huwa qatel 93 persuna billi fgahom. Dawn id-delitti saru kollha fl-Istati Uniti.

L-investigaturi s’issa vverifikaw 50 persuna minnhom iżda ħafna oħrajn għadhom pendenti. Dan l-ammont ta’ persuni maqtula minn Little huwa l-akbar wieħed uffiċjali għal dan il-pajjiż.

Kien jevita li joqtol persuni “partikolari”

L-awtoritajiet Amerikani qalu li Samuel Little jidher li kien, fil-maġġoranza tal-atti kriminali tiegħu, jagħżel li joqtol xebbiet vulnerabbli b’karnaġġjun skura li ġeneralment jew kienu prostituti jew inkella kellhom il-vizzju tad-droga. Jidher li meta saru dawn id-delitti, ma ġibdux daqstant attenzjoni mill-awtoritajiet u mill-midja tant li wħud minnhom jingħad li lanqas biss tniżżlu bħala omiċidju.

Little, huwa u jiddeskrivi bla ebda sens ta’ ħtija kif qatel għal snin sħaħ, ftaħar mal-investigaturi li kien jevita “persuni li immedjatament jinħass in-nuqqas tagħhom”. Din l-informazzjoni ħarġet f’intervista li rnexxielha tagħmel mal-qattiel, il-Washington Post, li kienet qiegħed teżamina għala kien daqstant diffiċli biex jinqabad il-qattiel wara dawn l-omiċidji kollha.

“Xi drabi kont nerġa’ mmur fl-istess inħawi u noqtol lil xi ħadd ieħor. Kont nara kemm hemm vittmi potenzjali imma ma kontx immur f’żoni residenzjali u naħtaf tfajla ta’ karnaġġjun bajda,” kien irrakkonta Little. Ħafna mill-qtil li kkommetta kienu għall-bidu maħsuba bħala fatalitajiet minn overdose jew inkella l-kawża tal-mewt titniżżlet bħala “mhux magħrufa” jew “aċċidentali”. 

Barra minnhekk, skont il-profil tal-FBI ta’ dan il-qattiel, fost il-lista tal-kadavri għad hemm minnhom li għandhom ma nstabux.

Kriminal perikoluż li tħalla jiġri mas-saqajn

Qabel ma nstab ħati fl-2014, Little kien issuspettat bi tmien attakki sesswali u attentati ta’ qtil jew qtil, iżda għal xi raġuni dejjem kien jirnexxielu jevita li jingħata piena serja għall-atti kriminali tiegħu. Little kien skonta żewġ sentenzi oħra ta’ ħabs fl-istat ta’ Kalifornja inkluża waħda ta’ erba’ snin li ġiet fi tmiemha fl-1987. Hawnhekk huwa kien instab ħati li attakka persuna b’arma.

Filmati rrekodjati mill-FBI waqt il-konfessjoni ta’ Little juruh bilqiegħda fiċ-ċella tiegħu liebes kappa tas-suf griża. F’mumenti miġbuda, dan il-qattiel bla skrupli jidher anke jitbissem.

Huwa ntefa’ f’ħabs statali f’Lancaster, Kalifornja fit-Tramunata ta’ Los Angeles u miet kmieni filgħodu fit-30 ta’ Diċembru. Il-kawża uffiċjali tal-mewt tiegħu għadha ma ġietx ikkonfermata u se tinħareġ b’mod uffiċjali ladarba ssir l-awtopsja.

Profil ta’ qattiel:

Isem: Samuel Little

Data tat-twelid: 7 ta’ Ġunju, 1940

Data tal-mewt: 30 ta’ Diċembru, 2020

Magħruf: L-agħar serial killer fl-Istati Uniti

Numru ta’ vittmi: 93 nisa

Qtil marbut magħhom: aktar minn 60

Qtil ikkonfermati mill-FBI: mill-inqas 50

Allegat: li qatel nisa f’19-il stat differenti tul 30 sena 

1961: Tliet snin ħabs fuq serqa f’ħanut tal-għamara

Sa l-1975: 26 arresti fi 11-il stat differenti

1982: qtil ta’ Melinda Rose, 22 sena; qtil ta’ Patricia Ann Mount, 26 sena

1984: Arrestat fuq ħtif, swat u strangolazzjoni ta’ Laurie Barros, 22 sena, li rnexxielha ssalva

1987: 10 omiċidji f’Los Angeles

2012: Arrestat għall-qtil ta’ Carol Ilene Elford (1987); Duarte Apodaca (1987) u Audrey Nelson Everett (1989)

Atti kriminali: qtil, serq, drogi, attakki fuq persuni u fuq uffiċjali tal-gvern, stupri u frodi 

Uħud mill-vittmi: Melissa Thomas; Brenda Alexander; Fredonia Smit; Dorothy Richards; Daisy McGuire; Julia Critchfield; Nancy Carol Steven; Evelyn Westo; Rosie Hill; Evelyn Weston; Denise Christien Brothers; Linda Sue Bords; Martha Cunningham, Mary Jo Peyton; Rose Evans; Anna Stewart. 

Ma’ dawn, hemm għadd ta’ “Jane Does” – vittmi mhux identifikati u għadd ta’ kadavri li għandhom ma nstabux mill-awtoritajiet.

Ekonomija

Sport