Friday, December 13, 2024

“Ħsibt li l-Covid-19 kienet biss invenzjoni… issa ninsab imqabbad ma’ magna tal-ossiġnu”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Miktub minn Maria Azzopardi

“Ma kont fhimt xejn dwar il-Covid-19 jew ma ridtx nifhem. Irrifjutajt b’mod konxju l-idea li din il-pandemija kienet serja. Kienet għażla tiegħi li ma nilbisx il-maskra. Kont inqisha bħala inutli. Kont naħseb li kollox kien invenzjoni. Iżda kollox huwa veru. Nammetti li żbaljajt. Issa mradt bil-Covid-19, qed nieħu nifs assistit bil-magna tal-ossiġnu u għandi wkoll pnewmonia bilaterali.”

Dawn huma kliem Daniele Egidi, taljan ta’ 54 sena minn Fano li fl-aħħar sigħat l-istorja tiegħu qed tiġi irrappurtata minn diversi ġurnali taljani. Għal diversi xhur huwa kien jiċħad li l-Covid-19 kien perikoluż. Kien jeskludih bħala l-kawża tal-imwiet, ma emminx l-istampi li kienu juru s-swali tal-isptar iffullati ħafna. Kien jemmen li t-tobba u l-infermiera, li jinsabu fuq quddiem nett fil-ġlieda kontra l-virus, kienu bħal donnhom atturi u li kollox kien invenzjoni. Illum il-ġurnata Egidi marad bil-Covid-19 u f’intervista mal-ġurnal taljan “Resto del Carlino’ ammetta li kien żbaljat.

Egidi issa għandu pnewmonia bilaterali u qed jieħu nifs asisstit bil-magna tal-ossiġnu. Mit-30 ta’ Diċembru kien qed jiġi assistit fil-ward tal-Covid ġewwa Pesaro fl-Italja u ftit tal-jiem ilu, minħabba l-kundizzjonijiet tiegħu, kellu jittieħed fil-ward tal-pnewmoloġija fejn huwa ssorveljat kontinwament. Il-ġurnal ‘Il Corriere della Sera’ qalet li minkejja li m’għandux deni, jinsab dgħajjef.

Egidi qal li issa rrealizza li kien bħal donnu maqtugħ mir-realtà għal madwar sena. “Forsi hija kerha li tgħidha, imma trid tgħaddi minnha. Issa nara li s-swali ffullati huma veri. It-tobba u l-bqija tal-istaff jagħmlu l-impossibbli biex isalvaw il-ħajjiet. Kont naħseb li kollox kien invenzjoni,” qal Egidi.

“Issa qiegħed hawn fil-Pnewmoloġija u qed jikkurawni b’antivirali ġodda. It-tabiba serħitli moħħi li s-sitwazzjoni hija taħt kontroll anke jekk l-istampa klinika tibqa’ waħda serja. Ninsab f’kamra adegwata u nispera li l-infezzjoni tgħaddi bil-mod il-mod. Ħsibt dwar il-messaġġ li kont qed nibgħat f’dawn l-aħħar xhur lin-nies ta’ madwari,” qal Egidi. Filwaqt li qal li qabel ma kienx jirrealizza, huwa qal li dawk li kienu jiċħdu li l-pandemija hija serja, inkluż huwa stess, għamlu l-ħsara u poġġew il-ħajja tan-nies f’riskju.  

“Nammetti li żbaljajt u nispera li oħrajn iħossu l-ħtieġa li jħarsu lejn it-traġedja tal-Covid-19 b’għajnejn veri. Jien qed nitgħallem din il-lezzjoni b’mod dirett. M’għandi l-ebda tagħlim x’nagħti lil xi ħadd imma ngħid biss l-esperjenza tiegħi li jaf tkun importanti għal dawk li jaqrawha b’qalb miftuħa, jew minn naħa l-oħra tista’ tkun insupportabbli għal dawk li jibqgħu jaħsbu li l-Covid-19 hija biss invenzjoni. Naf dawk is-siti, li nistgħu nsejħulhom li jgħaddu informazzjoni bil-kontra, li prinċipalment jiġbdu lil dawk tal-età tiegħi, minn 40 sa 65 sena. Għandhom risposta għal kollox u kont konvint li kellhom raġun. Żbaljajt u qed ngħid dan minn din is-sodda tal-isptar filwaqt li qed niġi assistit bl-ossiġnu permezz ta’ magna.”

“Nispera li kliemi jista’ jgħin lil xi ħadd biex jevita l-iżball tiegħi. Il-Covid-19 ipoġġi l-ħajja tan-nies f’riskju. Jekk jogħġobkom ipproteġu lilkom infuskom u evitawh,” temm jgħid Egidi.

Bosta kienu dawk li qasmu l-istorja ta’ Egidi fuq il-midja soċjali u, fost l-oħrajn, sostnew li din l-istorja għandha tgħallimna xi ħaġa importanti – dik li m’hemmx bżonn li wieħed jispiċċa fuq sodda fl-isptar u jieħu nifs bil-magna tal-ossiġnu biex jirrealizza l-gravità tal-Covid-19. 

Ekonomija

Sport