Saturday, December 21, 2024

L-aħħar film ta’ Chadwick Boseman

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

F’Awwissu li għadda ħalliena l-attur maħbub Chadwick Boseman fil-għomor ta’ 43 sena.  L-aħħar parti li ħadem kienet fid-drama mużikali, “Ma Rainey’s Black Bottom”. 

Gertrude ‘Ma’ Rainey kienet waħda mill-ewwel kantanti Afro-Amerikani professjonali tal-mużika Blues.  Ħafna jirreferu għaliha bħalha l-omm ta’ dan il-ġeneru ta’ mużika.  Kienet mietet fl-1939 fil-għomor ta’ 53 sena.

Maħdum taħt id-direzzjoni ta’ George C. Wolfe, “Ma Rainey’s Black Bottom” (Netflix: 15) hu ispirat mid-dramm ta’ August Wilson.  Jeħodna fl-1927 meta Ma Rainey tkun ibbukkjata biex tirrekordja uħud mill-aħjar kanzunetti tagħha f’studios f’Chicago.  Hi għażlet il-mużiċisti, fosthom lil Levee (Chadwick Boseman) li jdoqq il-kornu.  

Fil-parti ta’ Ma Rainey naraw lil Viola Davis li bil-kemm tingħaraf.  Hija tagħti nterpitazzjoni kbira. Ma Rainey kellha karattru qawwi.  Ma kienitx tibża’ teħodha kontra nies b’karnaġjon abjad, fosthom mal-manager tagħha, għax Ma Rainey riedet kontroll assolut fuq il-mużika tagħha.

Il-film għandu tema rikorrenti li tispikka aktar ma jgħaddi l-ħin.  It-tema hi: is-setgħa, u f’idejn min qegħda.  Ma Rainey kienet intebħet li ma tantx kienet rispettata bħalha persuna li fil-miftuħ kienet turi li hi bisesswali u anke għax kienet Afro-Amerikana.  In-nies rieduha għal vuċi tagħha biss.  

Bħal Viola Davis, Chadwick Boseman jagħti nterpritazzjoni tajba ħafna u hemm mumenti fejn kważi jisraqilha x-xena.  

Il-frażi Black Bottom tirreferi għal danza partikolari popolari mitt sena ilu.  Kienu jiżfnuha l-aktar l-Afro-Amerikani tan-naħa t’isfel tal-Istati Uniti.

Soul

F’dan l-aħħar snin, kull Milied dejjem niftakru b’film animat tal-kumpanija Disney fit-teatri.  Din il-kumpanija, permezz ta’ Pixar Animation Studios qegħda żżomm dan l-appuntament annwali imma direttament fuq streaming service.  Il-film animat hu “Soul” tad-direttur Pete Docter, li fil-passat riċenti tana “Up” u “Inside Out”.  “Soul” hu ieħor li fih tispikka l-immaġinazzjoni kreattiva ta’ Pixar.

Il-karattru prinċipali hu Joe Gardner.  Il-vuċi mislufa lil dan il-karattru hi ta’ Jamie Foxx.  Joe ikun pjanist diżappuntat, iżda li jmur għall-audition tal-mużika jazz.  Joe ma jkunx irid jemmen dak li jisma’ meta Dorothea Williams (Angela Bassett) tgħidlu li kienet aċċettatu sabiex jinfforma parti mill-kwartett tagħha fil-Half Note Club. 

Il-ferħ ta’ Joe ma jdumx wisq għaliex kien żvinturat u jaqa’ f’toqba tal-ispezzjonar li tkun f’nofs ta’ triq u jispiċċa d-dinja l-oħra.  U hawn fejn tibda l-immaġinazzjoni kreattiva tal-Pixar.

“Soul” (Walt Disney Studios: PG) hu t-23 feature film animat tal-Pixar, imma l-ewwel wieħed b’karattru ewlieni li hu Afro-Amerikan. 

Freaky

In-narrattiva ta’ dan it-thriller komiku b’laqtiet tal-orrur mhux wieħed ġdid.  Niftakru fost l-oħrajn films “Freaky Friday” (tal-1976 u imbagħad kellna r-remake tal-2003) kif ukoll “Vice Versa” (tal-1988) fejn tnejn min-nies jsibu rwieħhom jitpartu fil-ġisem ta’ xulxin.  Ġeneralment, in-natura tas-suġġett tagħmlu film komiku.

Blumhouse Poductions, li huma wara dan il-film, saru jispeċjaliżżaw f’produzzjonijiet tal-orrur, tant li dan l-aħħar tawna “Get Out”, “The First Purge”, r-remake ta’ “Halloween”, kif ukoll “Us”.  Biex dan l-element ikompli jissaħħaħ, “Freaky” hu maħdum taħt id-direzzjoni ta’ Christopher Landon, li tana films bħal “Happy Death Day” u s-sequel “Happy Death Day 2U”.  

L-istudenta itturmentata Millie Kessler (Kathryn Newton) issib ruħha fil-mira tal-biċċier Blissfield (Vince Vaughn) li hu serial killer infami.  Jiġru ċirkustanzi fejn l-iġsma tagħhom jitpartu: Millie issib ruħha fil-ġisem ta’ Blissfield filwaqt li l-biċċier jispiċċa fil-ġisem tal-istudenta.  Imbagħad Millie tiskopri li għandha jum wieħed biss biex terġa tkun it-tfajla li kienet.

Vince Vaughn jiddomina l-film u juri l-ħila tiegħu kemm bħala attur komiku kif ukoll f’mumenti drammatiċi.

“Freaky” (Universal Pictures-KRS: 15) għandu l-mumenti komiċi, speċjalment meta t-tfajla Millie tkun fil-ġisem tal-biċċier u allura għandna l-perspettiva ta’ tfajla li trid iġġib ruħha ta’ raġel.  

Ekonomija

Sport