Friday, May 3, 2024

L-użu tal-alfabett Malti bil-karatteristiċi tiegħu issa jista’ jintuża fl-ismijiet Maltin

Aqra wkoll

Ġanni huwa l-ewwel wild bl-użu tal-alfabett Malti

Ir-reġistrazzjoni ta’ isem ta’ wild tista’ ssir bl-użu tal-karattri tal-lingwa Maltija hekk kif tħabbar mis Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat. L-ewwel isem Malti  rreġistrat fuq is-sistema elettronika tar-Reġistru Pubbliku huwa Ġanni bl-użu tal-ittra ‘Ġ’ fl-alfabett  Malti.  

“Minn issa ’l quddiem il-ġenituri kollha li jixtiequ jsemmu lil uliedhom b’ismijiet li jħaddnu l-alfabett  Malti jistgħu jagħmlu dan grazzi għal investiment qawwi li l-Aġenzija Identity Malta għamlet fis software li jintegra flimkien il-karta tal-identità, iċ-ċertifikati u l-passaporti”, qal is-segretarju  parlamentari. Is-Sur Muscat qal li kien nuqqas tal-Istat Malti li t-tfal li jitwieldu f’Malta ma setgħux  jissemmew b’isem li jinkorpora ittri Maltin.  

“Għalhekk rajna li nindirizzaw din l-anomalija fis-sistemi tagħna sabiex nagħtu din l-għażla lill ġenituri kollha li jsemmu lit-tfal tagħhom b’isem Malti u fuq kollox inkomplu nieħdu ħsieb l-ilsien  nattiv tagħna, għaliex din il-lingwa tiġbor fiha l-identità u l-istorja tal-poplu tagħna matul iż-żminijiet u li tagħmilna Maltin kburin b’pajjiżna”. 

Is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat tenna l-importanza li nkomplu naraw li l-ilsien nazzjonali  tagħna, il-lingwa Maltija, jiġi mħares u użat. 

Qabel, meta l-insinwa kienet issir b’mod manwal bil-kitba, l-użu tal-alfabett Malti bil-karattri Maltin  kien possibbli, iżda matul iż-żmien, il-proċess ġie diġitalizzat u l-programm użat ma kienx jippermetti  dan. Illum, permezz ta’ investiment b’saħħtu li għamlet l-Aġenzija Identity Malta f’sistema ġdida tal IT, il-ġenituri se jkollhom il-possibilità li jirreġistraw isem il-wild tagħhom bl-użu tal-alfabett Malti. 

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Identity Malta Anton Sevasta spjega li fil-jiem li ġejjin l-istess aġenzija  se tkun f’pożizzjoni li tibda tilqa’ wkoll talbiet għal korrezzjoni minuri f’dan ir-rigward. L-emendi  legali mressqa se jippermettu lil dawk li għandhom isem Malti rreġistrat mhux bl-użu tal-alfabett  Malti sabiex b’sempliċiment talba quddiem id-Direttur tar-Reġistru Pubbliku jkunu jistgħu jagħmlu  din il-korrezzjoni mingħajr il-bżonn ta’ rikors fil-Qorti.  

Dan is-servizz se jingħata bla ħlas bil-għan ewlieni li nneħħu aktar burokrazija fl-applikazzjonijiet  għall-għażla tal-ismijiet. Dawk l-individwi li se jagħmlu din it-tip ta’ korrezzjoni se jinħarġilhom  passaport li se jkollu l-istess data tal-iskadenza kif ukoll karta tal-identità ġdida mingħajr l-ebda ħlas. 

Sport