Saturday, December 21, 2024

L-AĦĦAR ĠIMGĦA TAL-KAMPANJA

Aqra wkoll

Bdejna l-aħħar ġimgħa tal-kampanja elettorali qabel ma l-poplu jeżerċita d-dritt tiegħu u jmur jivvota. Żmien fejn irridu nagħtu direzzjoni lil dan il-pajjiż fi żmien fejn għad irridu noħorġu u nirkupraw mill-pandemija u sfidi oħra li qegħdin jinqalgħu bħalissa bħal mhu qed jiġri fil-każ tal-ġlied bejn ir-Russja u l-Ukraina.

F’dawn l-aħħar jiem il-kampanja intensifikat ħafna u l-Partit Laburista qiegħed dejjem jidher organizat u ppreparat biex ikompli jiggverna. Ħarġet fid-deher ukoll id-differenza bejna u l-Partit Nazzjonalista. 

Mill-bidu nett tal-kampanja n-Nazzjonalisti bdew jattakkawna biex noħorġu l-manifest elettorali. Dan fl-istess waqt li huma kienu qegħdin ibiddlu u jemendaw tagħhom wara li ppubblikawh. Kienu għadhom iridu jaqblu fuq in-numru ta’ proposti li ħarġu bihom, aħseb u ara kemm jafu fuq xhiex qed jitkellmu. Nesew ukoll li f’sagħtejn wara li l-Prim Ministru ħabbar l-elezzjoni kien diġa ħareġ bil-proposti prinċipali ta’ fuq liema binarji ser inkunu qed naħdmu fil-leġislatura li jmiss.

Imbagħad ħriġna l-manifest elettorali b’elf proposta tanġibbli u n-Nazzjonalisti baqgħu b’ħalqhom miftuħ. Indunaw li dak li qed ngħidu aħna m’għandu x’jaqsam xejn ma l-proposti fittizzji tagħhom, bħal ngħidu aħna l-proposta reċiklata tal-bendy buses. Lanqas ser nitfgħu nies l’barra minn djarhom kif qed jgħidu l-PN, għax wara t-tielet sena jwaqqfilhom l-għajnuna. Aħna kredibbli u dak li qed inwegħdu sar bi pjan fi kwadru ta’ stabbilità li rridu li jkollna fi żmien li ġej.

Fuq kollox impenjati biex intejbu l-ħajja u l-għixien tan-nies. Tkellimna fuq spazji miftuħin biex il-familji jqattgħu l-ħin ta’ mistrieħ tagħhom f’ambjent sabiħ. Wegħdna li ser ngħinu lil dawk il-koppji li jridu jirrikorru għall-IVF. Se nraħħsu t-taxxi lin-negozzji u self-employed sabiex intuhom nifs li tant jeħtieġu wara l-pandemija. Lill-anzjani ser nibqgħu nagħtuhom ż-żidied fil-penzjoni tagħhom. 

Hekk issir politika serja minn min verament kburi b’pajjiżu. Hekk titlob is-serjetà. Pjan fl-immedjat u iktar fit-tul biex ikun hemm kontinwità stabbli u pajjiżna jibqa’ miexi ‘l quddiem. Dan il-Gvern kommess li l-istess ġid li ser jiġi ġġenerat imur għand il-poplu fil-faxxex kollha tas-soċjetà. Aħna rridu li dak li ser inkunu qed nagħmlu lkoll flimkien, jgawdi minnu kulħadd. 

Aħna m’aħniex Partit tal-klikkek. In-nazzjonalisti anke bejniethom jiġġieldu aħseb u ara kif jaqsmu pajjiż li kieku kellhom ikunu fil-Gvern U la qed nitkellem dwar dan infakkarkom li kull wieħed minnha għandu d-dmir biex jara li dan ma jseħħx. Irridu nibqgħu naħdmu sal-aħħar, niġru wara kull vot biex nassiguraw li dak li bnejna tul is-snin ma jiġġarrafx. 

Jien qalbi qawwija ħafna imma ma nafdax. Il-bogħod mis-sondaġġi, r-riżultat uffiċċjali tal-elezzjoni li jgħodd. Għalhekk irridu naħdmu sal-aħħar. Jien ilni dawn l-aħħar 15-il xahar li bdejt il-ħidma politika tiegħi. Imbarkajt fuq kampanja bbażata fuq in-nies għax nemmen fil-kuntatt kontinwu u dirett man-nies. Kuntent b’dak li għamilt s’issa u jekk dan ix-xogħol isarraf f’riżultat pożittiv, nibda naħdem mill-ewwel biex dak li wegħdna nwettquh fil-prattika. Dan filwaqt li l-kuntatt maghkom jibqa’ dejjem b’mod kostanti u nkun aċċessibli għal kull min ikollu bżonni. 

Bħalissa jkun hemm każi ta’ nies ġenwini li jħossuhom mweġġgħin għax b’xi mod ġew injorati jew ma nqdewx. Ħafna drabi dawn in-nies ikunu jridu spjegazzjoni u jien nemmen li anke jekk dak li qed jiġi mitlub ma jkunx jista’ jingħata, għall-inqas dak li jkun jingħata spjegazzjoni. Min naħa l-oħra m’għandux ikun hemm titubar u xi ħadd idum biex jinqeda fuq xi ħaġa sempliċi. Saħansitra, ltqajt ma’ nies li ntesew għax il-każ tagħhom ma ġiex segwit.

Dawn huma kollha tagħlimiet mill-esperjenza li qiegħed ikolli meta niltaqa’ man-nies. B’dan f’moħħi ser inkun qiegħed nimbarka fuq eżercizzju sabiex mill-għada tal-elezzjoni nkun aċċessibli għal kulħadd u flimkien mal-kollegi tiegħi naraw kif nistgħu ngħinu lin-nies fuq l-issues personali tagħhom. Ħafna minn dawn il-każi ma jissolvewx fl-aħħar jiem tal-kampanja, ftit qabel l-elezzjoni. Għaldaqstant, irrid li nkun organizzat tajjeb biex matul il-ħames snin li ġejjin naddotta sistema fejn nibqa’ niltaqa’ man-nies u l-każi tagħhom jiġu monitorjati sakemm jissolvew. Hekk titlob il-professjonalitża bbażata fuq politika tan-nies.

Min naħa l-oħra f’din l-elezzjoni għandna deċiżjoni importanti li rridu neħduha bħala nazzjon wieħed. Jekk inpoġġu temporanjament l-att personali fil-ġenb, ilkoll naqblu li dan il-Gvern wettaq ħafna b’mod inġenerali. Matul il-pandemija dan il-Gvern ħa l-aktar deċiżjonijiet bżonnjużi u meta mqabbel ma’ pajjiżi oħra inħossuna grati b’dak li sar. Ir-riformi li wettaqna żgur li ħallew impatt pozżittiv fuq il-ħajja tan-nies. Kulħadd tista’ tgħid li bbenefika u tejjeb l-għixien tiegħu. Min fuq ħaġa u min fuq oħra. Imbagħad mill-att personali ngħidilkom, li l-Partit Laburista qiegħed jisma’ ħafna u ser jagħti widen, anke wara l-elezzjoni. L-elezzjoni tiġi u tmur imma l-ħidma tagħna tibqa’ u l-Partit Laburista jinsab impenjat biex ma jħalli l-ħadd barra. Il-weġġgħa tagħkom hija tagħna wkoll u anke jekk sa l-elezzjoni l-każ ma jkunx issolva ser nibqgħu nsegwukom biex issir ġustizzja magħkom.

Fadal biss ftit jiem. Ejja nibqgħu naħdmu. Nagħmlu kuraġġ lil xulxin biex ningħaqdu wara l-Prim Ministru Robert Abela u nħarsu b’ottimiżmu lejn futur isbaħ u aħjar.

Miktub mill-Kandidat Laburista Chris Bonnett

Ekonomija

Sport