Il-kumpanija Air Malta tixtieq tikkjarifika s-sitwazzjoni inkwetanti ta’ dawk il-passiġġġieri li kienu fuq it-titjira KM 307 minn Munich — tal-14 ta’ Diċembru li għadda — li baqgħu ma rċivewx il-bagalji. Hija tgħid li l-problema ma kinitx min-naħa tal-operat tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
L-Air Malta fl-istqarrija tagħha qalet li fl-14 ta’ Diċembru l-ajruport ta’ Munich intlaqat minn borra u xita qawwija għal tlett ijiem sħaħ u kawża ta’ dan kellhom jiġu kkanċellati numru kbir ta’ titjiriet. Konsegwenza ta’ dan eluf ta’ passiġġieri tħallew jistennew l-ajruport għalxejn.
Meta reġgħu bdew it-titjiriet, ammont sostanzjali ta’ ajruplani telqu mimlijin bil-passiġġieri, però l-bagalji ma ttellgħux fuq l-ajruplani minħabba l-backlog qawwija li kien hemm. Huwa kkalkulat li fl-ajruport ta’ Munich tħallew 23,000 bagalja.
Bħalma ġara f’titjiriet oħra, il-flight tal-Air Malta KM307 li kellu jitlaq minn Munich għal Malta fl-14 ta’ Diċembru kien ikkanċellat u ġie skedat għall-għada filgħodu. Madwar 32 bagalja li kienu jappartjenu lill-passiġġieri li kienu fuq din it-titjira baqgħu ma waslux Malta.
Air Malta temmet l-istqarrija tagħha billi skużat ruħha għal din is-sitwazzjoni li nħolqot propju ftit jiem qabel il-Milied, u qalet li bħalissa qed taħdem mill-qrib mad-Deutsche Lufthansa AG – it-tim inkarigat mill-ġarr tal-bagali — sabiex tagħmel ċert li l-bagalji mitlufa jirritonaw lura għand is-sidien tagħhom f’Malta. Sfortunatament il-proċess jaf jieħu daqsxejn fit-tul.