Il-Gvern qiegħed ikompli għaddej bil-politika tar-riformi li bihom huwa intenzjonat li jindirizzaw l-isfidi li qed jaffaċċja pajjiżna illum u dawk tal-ġejjieni. Bla dubju ta’ xejn, waħda mill-akbar sfidi li ftit li xejn kienet indirizzata, u li kien hemm bżonn li jittieħdu deċiżjonijiet drastiċi dwarha kienet il-linja tal-ajru nazzjonali, l-Air Malta.
Kien għalhekk li l-Gvern baqa’ impenjat li jkollna linja tal-ajru nazzjonali. F’dan il-kuntest, għal xhur sħaħ, il-Gvern kien impenjat f’diskussjoni Ewropea biex tinstab it-triq li tista’ ssalva lil-linja nazzjonali tal-ajru. Dan għaliex huwa fatt li l-Air Malta minbarra l-iskop kummerċjali kellha fuq kollox l-iskop soċjali. Il-prinċipju baqa’ wieħed ċar u ewlieni, u li ġie preservat, dak li jkollna linja nazzjonali tal-ajru jkunu x’ikunu ċ-ċirkostanzi.
Għal bosta xhur, il-Partit Nazzjonalista ntefa’ b’ruħu u b’ġismu jattakka bla ħniena lill-Air Malta. Saħansitra issa qalilna li l-Gvern mhux biss falla fid-diskussjonijiet mal-Kummissjoni Ewropea imma wkoll li kien il-Gvern Laburista li falla lill-Air Malta. Każ li l-ispiżjar milli jkollu jtik.
Għaliex qed ngħidu hekk? Qed ngħidu hekk għaliex l-Air Malta għaddiet minn martirju fi żmien amministrazzjonijiet nazzjonalisti. L-ewwel b’nefqa ta’ miljuni ta’ ewro f’xiri ta’ ajruplani, RJ Avroliner, li l-Air Malta ma kellhiex bżonnhom. Imbagħad bi ftehimi kollettivi li komplew niżżlu lill-Air Malta għarkupptejha. Għadna niftakru l-laqmijiet li tal-PN taw lill-Air Malta saħansitra l-ajruplani kienu kkumparawhom ma’ għasafar taċ-ċomb.
Issa l-PN qed jipprova jitfa’ l-ħtija tas-sitwazzjoni li tinsab fiha l-Air Malta fuq il-Gvern Laburista. Dan qed jagħmluh meta kienu huma stess li ġabu din is-sitwazzjoni f’hiex inhi llum. Iktar konna nistennew li l-PN fl-Oppożizzjoni jagħti daqqa t’id lill-Gvern biex issalva l-Air Malta li wara kollox hi l-linja nazzjonali ta’ pajjiżna.
Is-soluzzjoni ma tagħrafx kuluri, la blu u lanqas aħmar, imma tħares biss lejn l-interess nazzjonali ta’ pajjiżna. Minkejja dan kollu, il-poplu għandu l-garanzija ta’ serħan il-moħħ li jiġri x’jiġri u tkun xi tkun id-deċiżjoni, pajjiżna se jibqa’ jkollu l-linja nazzjonali tal-ajru tiegħu, u li f’dan l-eżerċizzju ebda ħaddiem mhu se jitlef l-impjieg tiegħu.
Proprju lbieraħ, il-Prim Ministru Robert Abela flimkien mal-Ministru tal-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana ħabbru d-dettalji b’rabta mal-linja nazzjonali tal-ajru l-ġdida ta’ pajjiżna. Linja nazzjonali aktar b’saħħitha, mhux waħda li taħdem bl-iskossi jew mifnija bl-inċertezza, u li se tibda topera f’Marzu tas-sena d-dieħla.
Nemmnu li dan huwa ta’ sodisfazzjon, għaliex wara tant snin ta’ diffikultajiet, il-linja nazzjonali se titpoġġa fuq linji sabiex tibda tagħmel il-profitt minkejja s-sitwazzjoni mħawda internazzjonali, li qed tpoġġi pressjoni qawwija fuq is-settur tal-avjazzjoni ċivili.