Saturday, December 21, 2024

L-Air Malta ser terġa’ tibda s-servizzi lejn Gatwick f’Londra minn Diċembru 2021

Aqra wkoll

Wara sinjali ta’ rkupru f’ħafna swieq Ewropej, l-Air Malta llum ħabbret li ressqet il-quddiem id-data tat-titjiriet tagħha lejn Gatwick f’Londra għal Diċembru 2021. Il-Linja tal-Ajru kienet ħabbret li se tibda topera lejn l-ajruport ta’ Londra fis-Sajf 2022.

It-titjiriet tal-Air Malta lejn Gatwick se jibdew mill-11 ta’ Diċembru u inizjalment ser jiġu servuti tliet darbiet fil-ġimgħa kull nhar ta’ Tnejn, Erbgħa u Sibt. L-ajruport ta’ Heathrow f’Londra se jkompli jiġi servut b’titjiriet ta’ kuljum matul l-istaġun tax-Xitwa.

Dawn it-titjiriet lejn Gatwick se jiżdiedu flimkien mas-servizzi tax-Xitwa 2021/22 li il-Linja tal-Ajru ħabbret aktar kmieni dan ix-xahar u huma konformi mal-istrateġija tal-Air Malta li tiffoka fuq swieq ewlenin, ajruporti ċentrali bi frekwenzi miżjuda.

Għalhekk din ix-Xitwa l-Air Malta se tkun qed topera 70 servizz fil- ġimgħa għal 16-il destinazzjoni jiġifieri lejn Amsterdam, Berlin, Brussell, Katanja, Dusseldorf, Frankfurt, Pariġi Charles De Gaulle u Orly, Ruma Fiumicino, Gatwick u Heathrow f’Londra, Linate f’Milan, Lyon, Munich, Vjenna, u Zurich.

Għal aktar informazzjoni żur airmalta.com, ċempel l-uffiċċju tal-bejgħ tal-Air Malta fuq +356 21662211, jew żur l-uffiċċju tal-bejgħ fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jew mill-aġent tal-ivvjaġġar preferut tiegħek.

Ekonomija

Sport