Wednesday, May 15, 2024

L-Air Malta Twieġeb lill-ECA u l-ALPA

Aqra wkoll

L-Air Malta fi stqarrija maħruġa rreferiet għall-ittra mibgħuta lill-Prim Ministru ta’ Malta, Dr Robert Abela, u lill-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar, is-Sur Silvio Schembri, mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-bdoti li l-ALPA, l-unjoni li tirrappreżenta lill-bdoti tal-Air Malta, hija membru. 

L-Air Malta nnotat li kien ikun aħjar li kieku l-ALPA l-ewwel poġġiet madwar il-mejda mal-kumpanija biex tiddiskuti l-implikazzjonijiet finanzjarji tal- pandemija fuq il-Linja tal-Ajru. L-Air Malta enfasizzat l-fatt li l-ALPA ripetutament ċaħdet offerti mil-Linja tal-Ajru biex tilħaq ftehim, li kien jkun sostenibbli u li kien jissalvagwardja l-impjieg tal-membri tagħha. 

L-istqarrija tkompli li l-attentat ta’ turija tal-forza tal-ALPA, li fittxet li twieżen lill-kumpanija biex tħallas lill-bdoti iktar minn impjegati oħra fi żmien fejn id-dħul kważi naqas għalkollox huwa xokkanti. Fi żminijiet ta’ kriżi huwa naturali li l-partijiet interessati kollha għandhom jikkoperaw biex jissalvagwardjaw is-sopravivenza u l-vijabbiltà fit-tul tal-Linja tal-Ajru, u mhux l-interess personali. 

Il-Linja tal-Ajru tinnota wkoll li huwa ironiku li l-ALPA issa qed tagħmel paraguni ma’ piloti impjegati ma’ linji tal-ajru Ewropej oħra meta fil- passat l-unjoni ċaħdet dawn il-paraguni meta l-kumpanija kienet ipproponiet kundizzjonijiet simili li kienu aktar jaqblu man-normi tal- industrija. 

L-interess primarju tal-Linja tal-Ajru huwa li jiżgura li jħares il-vijabbiltà fit-tul u li l-operat tagħha ma jiġix kompromess. Għalhekk huma meħtieġa miżuri fit-tul biex jipproteġu l-Linja tal-Ajru u s-sostenibbiltà tagħha minn talbiet mhux ġustifikat, ladarba tibda terġa ttir. 

L-Air Malta hija responsabbli biex tissalvagwardja l-impjegati kollha tagħha u għalhekk ma’ tistax tippreferi taqsima waħda fuq oħra. 

L-Air Malta enfasizzat ukoll silta mill-ittra tal-ECA fejn tgħid, “Il-piż tas- sitwazzjoni attwali għandu jinġarr bl-istess mod mill-impjegati kollha min fuq sa isfel. Il-bdoti huma lesti li jġorru s-sehem ġust tagħhom tal- piż, wara li jassiguraw li l-proċess ta’ konsultazzjoni sinifikanti sar sewwa… “. 

Il-Linja tal-Ajru tinnota li dan huwa preċiżament dak li ppruvat tagħmel mal-ALPA diversi drabi, iżda ġiet injorata. L-Air Malta tinsisti li l-bdoti m’għandhomx iħossuhom intitolati li jitħallsu aktar minn impjegati oħra, f’sitwazzjoni fejn il-membri tagħha jkunu d-dar mingħajr xejn xogħol u l-kumpanija qed tiffaċċja tbatija ekonomika. 

L-Air Malta temmet tgħid li filwaqt li l-arranġamenti temporanji huma neċessarji biex tiġi indirizzata l-kriżi li għaddejja, l-unjoni wriet b’mod ċar li lesta tezerċita’ s-saħħa tagħha meta tiġi ppreżentata b’opportunità. 

Sport