Wednesday, March 27, 2024

L-Air Malta żżid erba’ rotot ġodda u tespandi l-iskeda għas-sajf tal-2023

Aqra wkoll

L-Air Malta għandha l-pjaċir tħabbar espansjoni u tkabbir sostanzjali fl-għadd ta’ titjiriet li għandhom jiġu operati fl-iskeda tat-titjiriet tagħha tas-sajf 2023.

Il-linja tal-ajru se żżid medja ta’ 20% fl-għadd ta’ titjiriet operati fil-ġimgħa matul il-perjodu minn April sa Ottubru 2023, u qed tippjana li topera sa 157 titjira fil-ġimgħa fl-eqqel tal-perjodu tas-sajf.

L-Air Malta se tniedi erba’ rotot ġodda fis-sajf tal-2023. Dawn jinkludu Tel- Aviv (tliet darbiet fil-ġimgħa), Nizza (żewġ servizzi fil-ġimgħa), Palermo (erba’ titjiriet fil-ġimgħa) u Napli (tliet titjiriet fil-ġimgħa).

Barra minn hekk, se jkun hemm żieda fil-frekwenza f’xi swieq ewlenin eżistenti, inkluż Ġinevra, issa bi tliet titjiriet fil-ġimgħa, Pariġi-Charles de Gaulle b’disa’ servizzi fil-ġimgħa, Munich bi tlettax-il titjira fil-ġimgħa, Ruma-Fiumicino bi ħmistax-il titjira fil-ġimgħa u Katanja b’sittax-il titjira fil-ġimgħa.

Is-servizz lejn Londra se jkompli bi tnejn u għoxrin titjira fil-ġimgħa, bi ħmistax-il titjira lejn Londra-Heathrow u b’seba’ titjiriet lejn Londra- Gatwick.

Dan iżid in-numru ta’ bliet u ajruporti servuti mill-Air Malta għal tnejn u għoxrin ajruport inkluż Amsterdam-Schiphol, Berlin, Brussell, Katanja, Dusseldorf, Ġinevra, Londra-Gatwick, Londra-Heathrow, Lyon, Madrid, Milan-Linate, Munich, Napli, Nizza, Palermo, Pariġi-Charles de Gaulle, Pariġi-Orly, Praga, Ruma-Fiumicino, Tel Aviv, Vjenna u Zurich.

Dawn it-titjiriet kollha fl-iskedi rispettivi jinsabu miftuħa għall-bejgħ minn issa.

Għal aktar informazzjoni dwar l-iskedi tat-titjiriet tal-Air Malta għax-xhur li ġejjin kif ukoll għas-sajf tal-2023, jekk jogħġbok żur is-sit www.airmalta.com u www.facebook.com/AirMalta u inkiteb fil-mailing list tan-newsletter tal-Air Malta biex tirċievi offerti mill-aqwa direttament fl- inbox tiegħek.

Ekonomija

Sport