Saturday, November 9, 2024

L-Airmalta ħadet id-deċiżjoni li jkunu ssensjati nofs il-piloti wara li l-ALPA talbet €73 miljun għall-skema tal-irtirar

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-linja nazzjonali tal-ajru Airmalta għamlet bosta laqgħat twal mal-Unjin tal-Piloti sabiex tissalvagwardja s-sostenibbiltà u l-vijabbiltà tagħha.

Madanakollu, wara li l-unjin tal-piloti nsistiet fuq skema ta’ rtirar kmieni ta’ €73 miljun, medja ta’ €700,000 għal kull pilota, il-linja tal-ajru ma kellha ebda għażla oħra ħlief li tipproċedi bis-sensji ta’ 69 mill-piloti tagħha.

Il-Ministru ghall-Ekonomija responsabbli mill-Air Malta, Silvio Schembri, qal li l-azzjonijiet tal-ALPA ppruvaw joħonqu l-operat tal-Airmalta billi t-talbiet li saru ma kinux raġonevoli fi żmien meta d-dħul tal-linja tal-ajru naqas bil-kbir minħabba l-pandemija Covid-19.

Il-Ministru esprima d-dispjaċir tiegħu bil-pożizzjoni li ħadet l-ALPA, b’detriment għal membri tagħha stess li waslet sabiex kellhom jittieħdu deċiżjonijiet li ma kinux mixtieqa iżda ta’ bilfors.

Il-Gvern jgħarraf u jirringrazzja, min-naħa l-oħra, l-unjins l-oħrajn li jirrapreżentaw il-kumplament tal-ħaddiema tal-Air Malta li aċċettaw il-bidliet neċessarji fil-ftehim kollettivi rispettivi, meħtieġa sabiex ikunu ssalvagwardjati kemm l-impjiegi tagħhom iżda anke l-futur tal-kumpanija.

Il-Gvern se jibqa’ kommess li jagħti s-support tiegħu lill-kumpanija u lill-ħaddiema tagħha sabiex l-Airmalta tibqa’ sostenibbli.

L-AirMalta se tibqa’ topera u se tibqa’ impenjata li tara li tipprovdi l-konnettività għall-industrija tat-turiżmu billi tipprovdi r-rotot ewlenin filwaqt li tibqa’ sostenibbli sabiex jibbenifikaw mhux biss il-ħaddiema iżda l-ekonomija Maltija.

Sport