Ix-xahar ta’ Ġunju kien wieħed mill-aktar xhur impenjattivi u sinifikanti għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta li għalaq l-ewwel nofs b’saħħtu tal-2026 bit-tnedija ta’ żewġ rotot strateġiċi, hekk kif l-ajruport kompla jespandi n-netwerk tar-rotot tiegħu. Biex ikompli jsaħħaħ il-konnettività mar-reġjun Skandinavu, Norwegian inawgurat ir-rotta l-ġdida tagħha lejn Billund fit-3 ta’ Ġunju. Ħamest ijiem wara, l-ajruport kiteb l-istorja meta laqa’ l-ewwel titjira bejn l-Ajruport Internazzjonali John F. Kennedy fi New York u l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, operata mil-linja tal-ajru Amerikana, Delta Air Lines.
Dawn l-aħħar żviluppi għalqu sitt xhur ikkaratterizzati minn espansjoni kontinwa tan-netwerk u domanda sostnuta għall-ivvjaġġar bl-ajru. Sal-aħħar ta’ Ġunju, kienu għaddew mill-ajruport 5.2 miljun passiġġier, li jirrappreżentaw żieda ta’ 15.6% meta dan jitqabbel mal-istess perjodu tal-2025.
Is-sena bdiet b’riżultati partikolarment b’saħħithom matul l-istaġun tax-xitwa (Jannar sa Marzu), meta t-traffiku tal-passiġġieri rreġistra tkabbir ta’ 15.4% meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena ta’ qabel. Filwaqt li l-linji tal-ajru offrew 2.6 miljun post fuq it-titjiriet, jiġifieri żieda ta’ 14.1%, ir-rata medja tal-okkupanza ta’ dawn il-postijiet (seat load factor) kienet dik ta’ 81.1%, li tirrappreżenta żieda marġinali fuq l-2025 u dan minkejja ż-żieda fil-kapaċità offruta.
Dawn ir-riżultati pożittivi komplew fil-bidu tal-istaġun tas-sajf (April sa Ġunju), meta l-linji tal-ajru komplew jinvestu f’aktar kapaċità. Matul dan il-perjodu ġew offruti kważi 3.8 miljun post fuq it-titjiriet, żieda ta’ 18.8% fuq l-2025. It-traffiku tal-passiġġieri żdied bi 15.7%, filwaqt li r-rata tal-okkupanza tal-postijiet disponibbli fuq it-titjiriet baqgħet waħda b’saħħitha u laħqet it-83.7%.
Ir-Renju Unit żamm il-pożizzjoni tiegħu bħala l-akbar suq għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, b’sehem ta’ 20.0% tat-traffiku tal-passiġġieri matul l-ewwel nofs tas-sena. It-traffiku mir-Renju Unit kiber b’14.6% fuq is-sena l-oħra, sostnut mill-espansjoni tal-operat ta’ Jet2 u l-introduzzjoni ta’ diversi rotot ġodda, fosthom is-servizzi ta’ Ryanair u easyJet lejn Newcastle, ir-rotta l-ġdida ta’ easyJet lejn Glasgow u s-servizz il-ġdid ta’ Jet2 lejn London Gatwick.
It-traffiku minn u lejn l-Italja wkoll baqa’ b’saħħtu, hekk kif irreġistra żieda ta’ 8.5% fuq l-2025. Ir-rotta lejn l-ajruport ta’ Fiumicino f’Ruma qabżet dik lejn London Gatwick biex saret l-aktar rotta popolari tal-ajruport matul l-ewwel nofs tas-sena. Din ir-rotta telgħet fl-ewwel post wara li Wizz Air introduċiet servizz ta’ kuljum fil-bidu tal-iskeda tas-sajf, li tikkumplimenta t-titjiriet eżistenti ta’ ITA, KM Malta Airlines u Ryanair.
Sadanittant, is-suq Pollakk kompla jissaħħaħ, b’żieda ta’ 52.4% fit-traffiku tal-passiġġieri meta mqabbla mal-ewwel nofs tal-2025. Dan is-suq ibbenefika minn espansjoni kontinwa tan-netwerk, fosthom l-estensjoni tat-titjiriet lejn Warsaw-Modlin mill-iskeda tax-xitwa għal dik tas-sajf u l-introduzzjoni ta’ titjiriet tliet darbiet fil-ġimgħa minn Wizz Air minn u lejn il-kapitali Pollakka. Bi tliet linji tal-ajru issa joperaw f’dan is-suq, il-Polonja saret waħda mid-destinazzjonijiet li qed tikber b’rata mgħaġġla, u b’hekk kompliet tikkonsolida l-pożizzjoni tagħha bħala waħda mid-destinazzjonijiet ewlenin fin-netwerk tar-rotot tal-ajruport.









